Internazzjonali

Il-Ġermanja: Il-Parlament f’Berlin jiċħad l-abbozz għall-immigrazzjnni appoġġjat mill-estremisti tal-lemin

Il-Bundestag (Parlament) ta’ Berlin ċaħad għall-abbozz li kellu jissikka l-kontrolli għall-immigrazzjoni lejn il-Ġermanja…Abbozz li ressaq Friedrich Merz, il-Kap tal-Partit Konservattiv CDU u li hu l-favorit nett li jsir il-Kanċiller ġdid ta’ pajjiżu minflok Olaf Scholz tal-Partit SPD.

L-abbozz kellu sinifikat speċjali għaliex kellu l-appoġġ tal-estremisti tal-lemin tal-Partit AfD  —  Alternative für Deutschland – li llum sar it-tieni l-akbar forza politika fil-Ġermanja.

Il-vot f’Berlin seħħ wara li, f’nofs il-ġimgħa, kien sar vot ieħor simili iżda li ma jorbotx u li kien għadda mill-Parlament bil-voti tad-deputati takl-AfD. L-iżvilupp, intant, kien qanqal mewġa ta’ protesta mill-Ġermaniżi li jemmnu fl-importanza tad-‘distinzjoni bejn il-partiti tradizzjonali u l-estremisti ta’ kultura neo-Nażista’.

Il-mozzjoni tal-Erbgħa kienet l-ewwel darba fil-Ġermanja, minn wara t-Tieni Gwerra ‘il hawn, li ntlaħqet maġġoranza (fil-Parlament) bl-għajnuna tal-lemin estrem u liema sitwazzjoni żiedet sew it-tensjoni qabel id-dibattitu tal-bieraħ fil-Bundestag.

Fost id-deputati li opponew l-abbozz kien hemm diversi politiċi taċ-ċentru msieħba mal-Partit CDU ta’ Merz u l-alleati tas-CSU; b’’ribelli’ oħrajn jinkludu deputati tal-Partit Demokratiku Ħieles (FDP). Id-deputati tal-aħħar, jiem ilu, kienu vvutaw għall-mozzjoni oriġinali iżda huma fl-aħħar sigħat iddeċidew biex il-liġi titressaq mill-ġdid quddiem il-kumitati interni għal aktar dibattitu.

Il-liġi intiża biex tillimita l-influss tal-immigranti fil-Ġermanja  — filwaqt li qanqlet daqstant kritika —  tant kienet ikkunsidrata ta’ importanza storika li s-sala plenarja tal-Bundestag kienet mimlija bid-deputati. Dan ukoll meta attendew id-deputati li kienu morda biex huma wkoll jinfluwenzaw l-iżviluppi bil-vot tagħhom.

Qabel il-vot, Friedrich Merz, li se jmexxi lis-CDU fl-elezzjonijiet ġenerali bikrija tat-23 ta’ Frar fil-Ġermanja, insista li l-abbozz kien wieħed neċessarju għall-ħarsien tas-sigurtà domestika tal-Ġermaniżi. Fl-istess ħin, hu ċaħad li hu xi ‘aġent’ tal-AfD u li għandu l-intenzjoni li jdaħħal lil dan il-partit estremista f’xi Koalizzjoni tal-futur f’Berlin.

Sigħat qabel il-mumenti drammatiċi fil-Bundestag, l-eks Kanċiller tal-Ġermanja, Angela Merkel  — għal ħafna snin simbolu tas-CDU –  akkużat lil Merz ‘bil-ksur ta’ kelmtu’ u  wara li hu, ġimgħat ilu, għamilha ċara li ma kellux jikkollabora mal-AfD fil-mozzjonijiet politiċi.

Merkel, li rari intervjeniet fil-politika mindu spiċċat minn Kanċiller, qalet li Friedrich Merz  mar lura mill-wiegħda li kien għamel f’Novembru biex jaħdem mal-Partit SPD (Soċjal Demokratiku) u l-Ħodor ‘u mhux mal-AfD’biex tgħaddi l-leġislazzjoni nazzjonali….Wiegħda li, fi kliem Merkel, involviet ‘espressjoni ta’ responsabbiltà politika kbira fuq livell ta’ Stat’.

Intant, Friedrich Merz  iddefenda l-azzjonijiet tiegħu bħala ‘neċessarji’ u sostna li mhux qed ifittex l-appoġġ tal-AfD b’mod attiv. Hu spjega wkoll li ‘deċiżjoni għaqlija ma ssirx ħażina sempliċiment għaliex jistgħu jaqblu magħha l-persuni meqjusin bħala mhumiex denji biex jiggvernaw’.