Lokali

Il-Gvern jibqa’ jarmi l-ambjent fiż-żibel – PN

Il-prijorità tal-Gvern la huwa l-poplu u wisq inqas l-ambjent

Bħalma għamel b’ħafna oqsma oħra, il-Gvern rema l-ambjent fiż-żibel.

Wara li l-Qrati ta’ pajjiżna waqqfuh milli jaġġudika tender ta’ 600 miljun ewro lil konsorzju minħabba kunflitt ċar ta’ interess mill-Bord tal-Evalwazzjoni u mill-Bord tal-Appelli, il-Gvern Laburista baqa’ għaddej bil-pjan li jagħti t-tender lill-istess konsorzju.

Dan wara li l-Qorti kienet ordnat li l-evalwazzjoni terġa’ tibda mill-bidu, kaġun tal-fatt li l-proċess tal-għoti tat-tender kien ivvizzjat u ma kienx ġust.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Wasteserv Richard Bilocca jgħid li l-pajjiż għandu urġenza biex dan il-proġett tal-inċineratur jitlesta u jibda jopera. Anke għax skont l-istess Bilocca bħalissa qed intellgħu kont ta’ mijiet ta’ eluf fix-xahar f’multi għax m’aħniex nipproċessaw l-iskart tagħna kif suppost.

Dan il-proġett tħabbar fi Frar tal-2018 – seba’ snin ilu – u għadu fl-istadju tal-aġġudikazzjoni. Imma l-inkompetenza tal-Labour fil-qasam tas-separazzjoni tal-iskart ilna narawha minn meta kien elett fil-gvern fl-2013.

Minħabba li l-Gvern Laburista għażel li jistrieħ fuq soluzzjonijiet temporanji kellu jiddeċiedi li għal darba oħra jestendi l-kapaċità tal-miżbla tal-Għallis, u jtawwal il-perjodu tal-operat tal-landfill, minflok isib soluzzjonijiet sostenibbli u effettivi għall-immaniġġjar tal-iskart.

Issa, fil-każ tal-inċineratur, it-tort ta’ dak li qed jiġri hu biss, u kollu, tal-Gvern li injora għalkollox l-ordni tal-Qorti li jwaqqaf l-għotja tat-tender lill-konsorzju magħżul minħabba kunflitt ta’ interess ovvju mill-bordijiet involuti fil-proċess tal-għażla.

Sadanittant il-poplu Malti qed ikompli jbati l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ impjant Waste-to-Energy minħabba l-ebusija tar-ras tal-Gvern li hu evidenti li lest jarmi l-ambjent u s-saħħa tal-Maltin fiż-żibel, l-aqwa li tgħaddi tiegħu.

Ta’ dan kollu l-Maltin mhux qed iħallsu biss b’saħħithom imma anke bi flushom għaliex dan kollu se jiswa lil pajjiżna l-eluf ta’ ewro f’multi jekk il-Gvern jonqos li jonora l-obbligi li għandu mal-UE fejn jidħol l-iskart.

Gvernijiet Nazzjonalisti fil-passat kellhom pjan u kienu mexjin fid-direzzjoni t-tajba fejn jidħol skart u ambjent.

Dal-pjan, tal-Labour remewh il-baħar, għax għalihom l-ambjent mhux importanti.

Rebekah Borg – Shadow Minister għall-Ambjent

Eve Borg Bonello – Shadow Minister għat-Tibdil fil-Klima u l-Indafa Pubblika

Ryan Callus – Shadow Minister għall-Enerġija, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni