L-aħħar ġranet kienu għal darba oħra kkaratterizzati mill-fatt li reġgħu żdiedu b’mod sostanzjali l-prezzijiet ta’ diversi prodotti u servizzi essenzjali għall-familji Maltin u Għawdxin.
Fi stqarrija, ix-Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja Ivan Castillo qal li fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella lill-Gvern biex idaħħal fis-seħħ numru ta’ soluzzjonijiet li ilu jipproponi. Fost dawn hemm:
· Li ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) m’għandhiex tkun intaxxata, biex tħalli aktar flus fil-bwiet tal- ħaddiema
· Tax credits lil min iħaddem, biex dawn ma jkunux sfurzati jgħollu l-prezzijiet bħala riżultat tal-COLA
· Il-ħolqien ta’ Fond Nazzjonali biex nappoġġaw lill-industriji li jimpurtaw jew jesportaw, sabiex jibbilanċjaw l-ispejjeż li qed jikkontribwixxu għall-għoli tal-ħajja
· Mudell ekonomiku ġdid b’setturi innovattivi, immirat lejn ħolqien ta’ xogħlijiet ta’ kwalità li jħallsu pagi aħjar lill-ħaddiema.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex ma jibqax iwebbes rasu u jimplimenta dawn is-soluzzjonijiet biex ngħinu lill-familji Maltin u Għawdxin jiffaċċjaw l-isfidi tal-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>