Ekonomija Lokali

Il-PN b’sensiela ta’ proposti fi strateġija komprensiva li tappoġġja lill-ħaddiema, min inħaddem u s-self-employed bl-istess mod

"Ninvestu f’bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-familja"

Il-Partit Nazzjonalista qed jieħu pass deċiżiv biex jiżgura bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin.

Bħala pajjiż, qed niffaċċjaw diffikultajiet dejjem akbar biex niksbu bilanċ b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-familja. Għalhekk, il-PN qed jipproponi sett ta’ riformi kuraġġjużi u meħtieġa biex jappoġġja lill-ħaddiema, lill-familji u lin-negozji bl-istess mod.

Malta għandha l-aktar rata ta’ twelid baxxa fl-UE u ħafna ġenituri qed jitħabtu biex ilaħħqu mal-obbligi tax-xogħol u tal-familja. Huwa evidenti li s-sistema attwali qed tfalli. Ir-riċerka tikkonferma li 67.6% tan-nisa u 58.6% tal-irġiel isibuha diffiċli biex jilħqu l-obbligi tal-familja tagħhom minħabba d-domanda tax-xogħol. In-nisa għadhom iġorru l-maġġoranza tar-responsabbiltajiet tat-trobbija tat-tfal, filwaqt li proporzjon żgħir ħafna ta’ rġiel jieħdu r-responsabbiltà ewlenija tat-tfal.

Minkejja dawn l-isfidi ċari, il-Gvern għażel li jagħmel l-inqas possibbli meta jimplimenta d-direttivi tal-UE dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, u b’hekk ħalla lill-familji mingħajr appoġġ reali.

Minħabba f’dan, il-PN qed jipproponi strateġija komprensiva għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin mal-familja li tindirizza dawn il-kwistjonijiet b’mod dirett. Dawn ir-riformi jinkludu:

1.       Espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien

  • Leave tal-missirijiet (parternity leave) jiżdied minn 10 għal 15-il ġurnata biex jiġi rikonoxxut ir-rwol dejjem jikber tal-missirijiet fil-kura tat-tfal
  • Leave tal-ġenituri (parental leave) jiġi estiż minn 8 għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tkun promossa r-responsabbiltà kondiviża
  • Leave tal-maternità (maternity leave) jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferibbli lill-ġenitur l-ieħor jekk iridu
  • Total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji

2.       Leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom*

  ·    Il-leave tal-ġenituri, tal-missirijiet u ż-żieda fil-leave tal-maternità jkunu mħallsa mill-gvern għall-ħaddiema kollha. Fil-każ tal-leave tal-ġenituri (parental leave) il-ħlas ikun sal-livell tal-paga medja, li hu ferm aktar mir-rata tal-leave tal-mard li hemm bħalissa

·     Ħaddiema għal rashom (self-employed) jingħataw l-istess drittijiet bħal ħaddiema impjegati, biex jiġi żgurat trattament ġust għal kull forma ta’ xogħol

·     Il-gvern ikopri dawn l-ispejjeż biex inaqqas il-piż finanzjarju fuq min iħaddem u n-negozji

3.       Appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working

  • Għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-gvern għall-kura tat-tfal (childcare centres)
  • Krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol
  • Inkoraġġiment biex aktar negozji jadottaw policies ta’ remote working  u flessibbiltà ħalli jtejbu l-produttività u l-benesseri tal-impjegati.


Il-Partit Nazzjonalista jenfasizza li dawn il-proposti huma kruċjali għall-futur ta’ Malta. Il-familji għandhom jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu biex jirnexxu, in-negozji għandhom jiġu mħeġġa jadottaw soluzzjonijiet tax-xogħol moderni, u dawk li jaħdmu għal rashom m’għandhomx iħossuhom esklużi. Suq tax-xogħol ibbilanċjat huwa ċ-ċavetta għas-suċċess ekonomiku u l-benesseri soċjali.

Dawn ir-riformi mhumiex biss dwar il-familji individwali, iżda dwar l-istabbiltà fit-tul u l-progress ta’ Malta. Policies b’saħħithom li jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja jwasslu għal parteċipazzjoni akbar fis-suq tax-xogħol, żieda fil-produttività u tnaqqis fl-assenteiżmu. Joħolqu wkoll ambjent fejn il-ġenituri jħossuhom siguri biżżejjed biex ikollhom it-tfal, u jgħinu biex idawru l-kriżi demografika li qed nesperjenzaw.

Il-Partit Nazzjonalista qed joffri alternattiva ċara, li tiftaħ triq għal diskussjoni serja dwar ir-riformi li rridu nieħdu b’azzjoni konkreta minflok nipprovdu l-inqas possibbli li ma jindirizzax l-isfidi demografiċi ta’ Malta.

Wasal iż-żmien għall-bidla. Il-familji Maltin u Għawdxin jistħoqqilhom aħjar.