Keith Schembri ta struzzjonijiet lill-eks bodyguard ta’ Joseph Muscat, Kenneth Camilleri, biex jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma, li mbagħad talab kemm-il darba lil Camilleri għal aġġornamenti dwar il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio li ammettew li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia,ngħad fil-Qorti l-Ġimgħa.
Ftit qabel ma ntemmet is-seduta il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed provi biex Keith Schembri jitqiegħed taħt att ta’ akkuża. Dan fil-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Keith Schembri li jinsab mixli bi ħruġ ta’ informazzjoni mill-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Ħareġ fil-Qorti li meta Kenneth Camilleri informa lill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien b’dan kollu, Joseph Muscat wieġeb, “Nippreferi ma nkun naf xejn dwar dan”. Camilleri xehed f’kawża kriminali mressqa kontra l-eks chief of staff f’Kastilja Keith Schembri fuq allegati leaks fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
Iktar kmieni dan ix-xahar, Schembri kien akkużat li ħa ġurament falz u li kiser l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali. Dan kollu ġie għall-attenzjoni wara li Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalist, sostna li Schembri ħariġlu nformazzjoni dwar l-investigazzjoni.
Theuma li stqarr li kien il-middleman fil-ftehim biex tinqatel il-ġurnalista, kien ingħata impjieg fantażma f’kumpanija tal-gvern xhur qabel il-qtil. Camilleri qal minn fuq il-pedana tax-xhieda li Schembri ċempillu filgħaxija fis-sajf tal-2018, u talbu jmur għand Theuma biex “jikkalmah”.
Qal li ma kienx jaf min kien Theuma dak iż-żmien. Qal li hija normali li tintalab tmur titkellem man-nies minħabba kwistjonijiet elettorali. Schembri qal lil Camilleri biex iċempel lil Johann Cremona, li Theuma kien iddeskriva bħala l-“pustier” ta’ Yorgen Fenech, u dan sabiex imorru jiltaqgħu ma’ Theuma flimkien.
Cremona ġabar lil Camilleri minn Ħal Tarxien u saq saż-Żurrieq biex jiltaqa’ ma’ Theuma f’Wied iż-Żurrieq. Camilleri ddeskriva lil Theuma, bħala persuna qrib ħafna ta’ Fenech, u li l-istess Theuma deher aġitat. Theuma staqsa lil Camilleri meta Alfred u George Degiorgio kienu se jingħataw il-libertà proviżorja.
L-aħwa Degiorgio kienu ġew mixlija li poġġew il-bomba ġewwa l-karozza ta’ Caruana Galizia, li qatilha f’Ottubru 2017. Fl-2022, l-aħwa ammettaw għall-akkużi, sigħat biss wara li kien se jibda l-ġuri, wara ħames snin li kien seħħ id-delitt.
Camilleri qal li Theuma semma bagalja li kellha bżonn “tintrema”. Spjega kif kellu żewġ interazzjonijiet oħra ma’ Theuma, darba fil-garaxx ta’ Cremona, fejn Theuma staqsa lil Camilleri dwar il-bail hekk kif kien ħiereġ u Theuma kien dieħel.
L-aħħar darba li ltaqa’ ma’ Theuma kien il-Belt Valletta meta Cremona stieden lil Camilleri biex jiltaqa’ għal kafè fil-Belt, iżda Theuma deher ma’ Cremona. Fil-bidu tal-2019, Camilleri iltaqa’ ma’ Joseph Muscat biex jistaqsih dwar dawn l-interazzjonijiet.
L-eks Prim Ministru qal li “pjuttost li aħjar ma jkunx jaf”. Camilleri ċaħad li qatt qal lil Theuma li l-aħwa kienu se jingħataw il-libertà proviżorja fit-“22 ta’ dak ix-xahar” u li wkoll li kull wieħed kien se jirċievi “miljun f’basket”.
Il-Qorti ddikjarat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex Keith Schembri jitpoġġa taħt att ta’ akkuża. Is-seduta li jmiss hija fl-4 ta’ Marzu. L-akkużi jsegwu nvestigazzjoni ta’ ħames snin li nfetħet meta Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017, sostna li Schembri tah informazzjoni dwar l-investigazzjoni.
Schembri serva bħala ċ-chief of staff fi żmien li Joseph Muscat kien Prim Ministru. F’seduta preċedenti, il-Qorti semgħet kif Schembri kien fil-pussess ta’ email kunfidenzjali tal-pulizija interna. Għalkemm l-email ma kellha x’taqsam xejn mal-qtil ta’ Caruana Galizia, il-prosekuzzjoni riedet turi kif Schembri kellu aċċess għal informazzjoni li qatt ma kellu jkollu aċċess għaliha. Il-każ qed jinstema’ mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit.
Għal Schembri qed jidhru l-avukati Edward Gatt, Mark Vassallo, Sean Zammit. Is-Supretendent Hubert Cini u l-ispettur tal-pulizija Shaun Friggieri qed imexxu l-prosekuzzjoni. Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia huma parte civile fil-każ.
//= $special ?>