“L-evidenza turi li fil-perjodu ta’ eżaminazzjoni r-regoli tal-Ħabs ġew injorati kompletament b’mod sistematiku, u l-prinċipju li bih kien jitmexxa kien ‘jien ir-re, jien il-liġi’”.
Din hi waħda mill-kundanni li għamel l-Ombudsman f’rapport dwar it-tmexxija tal-Ħabs ta’ Kordin minn Alex Dalli bejn Lulju tal-2018 u Diċembru tal-2021, u li sab li f’dan il-perjodu kien hemm razziżmu u trattament ħażin u diżrispettuż li ma jħarisx id-dinjità tal-bniedem.
Il-Partit Nazzjonalista flimkien ma’ bosta oħrajn kienu ilhom is-snin jitolbu lill-Gvern ibiddel it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin meta din kienet f’idejn Alex Dalli.
Fiż-żmien li għamel imexxi l-Ħabs Dalli kien hemm numru rekord ta’ suwiċidji u każi ta’ priġunieri li weġġgħu lilu infushom. Imma l-Ministru Byron Camilleri u l-Prim Ministru Robert Abela baqgħu jiddefendu sal-aħħar lil Alex Dalli, minkejja l-imwiet li seħħew.
Il-kundanna tal-Ombudsman illum hija kundanna fuq il-Ministru u fuq il-Prim Ministru li kellhom il-poter li jneħħu lil Dalli u li jevitaw bosta traġedji fil-Ħabs. Imma għażlu li ma jagħmlu xejn. Anzi għażlu li jiddefenduh.
U meta fl-aħħar Dalli telaq mill-Ħabs, Robert Abela kien ċert li jżommu kuntent u tah cushy job fil-Libya bħala Migration Coordinator b’paga ta’ aktar minn mitt elf ewro fis-sena.
Ir-rapport tal-Ombudsman kien ċar fid-dikjarazzjoni tiegħu fejn qal li huwa moralment konvint li l-persuni li għamlu suwiċidju u/jew li mietu fil-Ħabs f’dan iż-żmien, ġew affettwati mill-mod kif kienu qegħdin jiġu trattati fil-Ħabs.
Dan mhux biss jitfa’ ħtija diretta fuq Alex Dalli, imma aktar u aktar jitfa’ ħtija fuq il-Ministru Byron Camilleri u fuq il-Prim Ministru Robert Abela li kienu jafu eżatt x’kien qed jiġri fil-Ħabs ta’ Kordin.
Il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri għandu jifhem dak li ntqal f’Paragrafu 43 tar-rapport.
Għaliex għalkemm l-Ombudsman qal li mhux responsabbiltà tal-uffiċċju tiegħu li jgħid min għandu jerfa’ r-responsabbiltà politika, Byron Camilleri jaf eżatt min għandu jkun li jerfagħha din ir-responsabbiltà.
Dan hu rapport iebes, u ta’ kuraġġ kbir maħruġ mill-Ombusman, u l-Partit Nazzjonalista jittama li t-tmexxija tal-Ħabs tal-lum taddotta bis-sħiħ u kemm jista’ jkun malajr ir-rakkomandazzjonijiet li saru.
Aktar minn hekk, il-PN jistenna li l-Gvern iġorr ir-responsabbiltà li poġġielu fuq spalltu l-elettorat anke f’każijiet fejn ikun falla. Bħalma ġara f’dan il-każ.
//= $special ?>