Ir-rata baxxa ta’ twelid. L-infrastruttura. Il-kompettivitá. Il-kwalità tal-ħajja.
Huma dawn il-fatturi li għandhom jiġu indirizzati mill-aktar fis skont l-evalwazzjoni ekonomika li saret mill-Kamra tal-Kummerċ flimkien mal-Bank of Valletta – studju illi ġie preżentat il-Ġimgħa filgħodu.
Kull sena, fil-fatt, il-BOV flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ jagħtu ħarsa lejn il-viżjoni u l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna, fejn jelenkaw opportunitajiet, diffikultajiet u anke jbassru dak li se jkunu qed jistennew in-negozji fis-sena l-ġdida.
Net News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ Marthese Portelli, illi spjegat li huma bosta l-fatturi li għandhom jiġu indirizzati sabiex pajjiżna jmur aħjar – bl-aktar waħda urġenti tkun l-infrastruttura.
Hija spjegat, li ġaladarba l-infrastruttura titjieb, in-negozji jaffaċċjaw inqas diffikultajiet fosthom fejn jidħlu l-kompettività u anke l-produttività.
Kenneth Farrugia, l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, tkellem ma’ Net News dwar din l-inizjattiva li permezz tagħha issir evalwazzjoni tal-ekonomija Maltija.
Il-konferenza kienet indirizzata wkoll mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Chris Vassallo Cesareo li spjega li pajjiżna jinsab f’salib it-toroq u għaldaqstant għandu jitħejja pjan sabiex tassew jimxi ‘l quddiem.
Fejn fost l-oħrajn semma’ l-Labour Migration Policy, li skont hu ma għandiex biss tħares li timla’ l-gaps fis-setturi diversi ta’ pajjiżna, iżda għandha tattira professjonisti li għandhom il-kapaċitajiet jaħdmu fl-oqsma rispettivi tagħhom, u li tintegra lil dawn il-ħaddiema.
Hu spjega wkoll kif il-Kamra tal-Kummerċ se tkun qed tenfasizza fuq is-sostenibbiltà, it-tibdil fil-klima, l-innovazzjoni diġitali, is-saħħa, u setturi ġodda – fosthom is-saħħa diġitali u anke housing affordabbli.
//= $special ?>