Lokali Qorti

Lilu King arrestat mill-ġdid wara li l-Imħallef irrevokat il-libertà proviżorja

Mohamed Ali Ahmem Elmushraty, magħruf bħala Lilu King, reġa’ spiċċa arrestat wara li qorti laqgħet l-appell tal-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kkontesta d-deċiżjoni wara li l-Qorti tal-Maġistrati tagħtu l-libertà proviżorja aktar kmieni din il-Ġimgħa.

Elmushraty qed jiffaċċja akkużi ta’ attakk u theddid kontra raġel. Nhar l-Erbgħa, Elmushraty ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti f’Ottubru, fejn ġie mixli li hedded u weġġa’ raġel f’Tas-Sliema lura f’Ottubru, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fi tliet każijiet preċedenti.

Elmushraty, ta’ 32 sena, huwa ta’ nazzjonalità Tuneżina u huwa magħruf bħala intraprenditur magħruf ġewwa Paceville u “influencer” fuq il-midja soċjali fejn ħafna drabi juri l-ġid li għandu fuq il-midja soċjali. Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo inizjalment tagħtu l-libertà proviżorja kontra depożitu ta’ €30,000 u garanzija personali ta’ €100,000.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, semgħet lill-avukati tal-AĠ jargumentaw li Elmushraty m’għandux jingħata l-libertà proviżorja minħabba d-diversi każijiet oħra li qed jitratta fejn qed jiġi mixli b’ħasil ta’ flus, traffikar ta’ droga u ġrieħi fuq persuni. Żiedu li l-istorja wriet li fil-passat meta Elmushraty ingħata l-libertà proviżorja, spiċċa kiser dawn il-kundizzjonijiet.

F’Awwissu, Elmushraty kien akkużat li ħabat intenzjonalment bil-Mercedes tiegħu f’buggy fejn kien hemm riekba l-eks-tfajla tiegħu. F’dan il-każ il-Qorti kienet iddikjarat li l-arrest tiegħu kien illegali peress li l-maġistrat tal-għassa ma kienx infurmat bl-arrest.

F’Ġunju, il-Qorti ordnat lil Elmushraty iħallas €10,000 wara li ammetta li kien argumenta mal-pulizija fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu waqt ġlieda boxing f’Ta’ Qali. F’każijiet oħra li għadhom għaddejjin, Elmushraty ġie mixli wkoll b’involviment fil-kriminalità organizzata konnessa mat-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus. Huwa qed iwieġeb mhux ħati fil-każijiet kollha. Għal Elmushraty dehru l-avukati Franco Debono, Jose Herrera u Marion Camilleri.