Jason Zammit ta’ 49 sena minn Tal-Pietà magħruf bħala “Il-Pajsu” u li huwa magħruf sew mal-Pulizija, reġa’ spiċċa l-Qorti wara li allegatament inqabad b’60 gramma kokaina u sitt grammi oħra eroina, li kienu ppakkjati u lesti biex jiġu ttraffikati.
Zammit kien diġà tressaq b’akkużi simili fl-aħħar ta’ Awwissu li għadda meta l-Pulizija arrestatu flimkien ma’ raġel ieħor dwar sejba ta’ droga kokaina u eroina lesti biex jinbiegħu, inkluż flus kontanti u oġġetti relatati ma’ traffikar ta’ droga.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, il-Pulizija qalet li l-Ħamis daħal rapport minn xi persuni li f’appartament fil-Gzira, kien hemm xi nies li x’aktarx kien qed jittraffikaw id-droga. Meta l-Pulizija daħlet fir-residenza kmieni l-Ġimgħa filgħodu biex tarresta lil persuna, sabet lil Zammit rieqed u xi sustanzi maġenbu fuq il-komodina.
Instabu wkoll diversi oġġetti relatati mad-drogi fosthom miżien. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih u talab għal ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha minħabba s-sensiela ta’ reati li jinsab mixli bihom quddiem maġistrati oħra.
Qalet ukoll li għad hemm xi persuni li għad iridu jixhdu b’rabta ma’ dan il-każ u li Zammit ingħata diversi opportunijiet mill-Qorti biex jibdel ħajtu, xi ħaġa li m’għamilx. Id-difiża qalet li Zammit jeħtieġ jingħata l-għajnuna u mhux jispiċċa l-ħabs, wara li wera x-xewqa li jindirizza l-problema tad-droga u qalet ukoll li jkun f’waqtu jekk jiġi segwiet minn uffiċjal tal-probation.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja u qalet li m’għandhiex is-serħan tal-moħħ li l-imputat se joqgħod għal kundizzjonjiet imposti fuqu mill-Qorti u lanqas hija konvinta li se jkun qed jindirizza bis-serjetà l-problema tad-droga.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Francesco Mizzi flimkien mal-Avukat Julian Scicluna f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Zammit dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Matthew Xuereb.
//= $special ?>