Lokali

OPINJONI: Jonqsu t-twelidijiet tal-Maltin u jiżdiedu dawk tal-barranin

Ċifri meħuda minn interpellanza tad-Deputat Nazzjonalista Bernice Bonello lill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana
Ħarsa lejn il-grafika tindika kemm qed jonqsu t-twelidijiet tal-Maltin u kemm qed jiżdiedu dawk tal-barranin. Fl-2007 nisa Maltin u Għawdxin welldu 3,519-il tarbija, ċifra li sal-2016 baqgħet bejn wieħed u ieħor stabbli. Iżda mill-2017 qabdet in-niżla sew. Kienet ta’ 3,050 fl-2021 u 3,049 fl-2022. Min-naħa l-oħra n-numru ta’ trabi minn ommijiet barranin tela’ bil-mod mill-2007 sal-2013 – minn 246 għal 479 – u mbagħad beda jżid sakemm fl-2021 kien 1,345 u 1,260 fl-2022. Hekk bejn l-2007 u l-2022 twieldu f’pajjiżna 11,545 tarbija minn ommijiet barranin.

minn Joe M. Zahra

Pajjiżna huwa l-pajjiż bl-inqas rata ta’ fertilità fl-Ewropa. U bis-sitt l-inqas rata ta’ fertilità fid-dinja kollha. Dan qed iwassal li biċ-ċifra ta’ 1.08 ta’ fertilità f’pajjiżna mhux nilħqu mal-proporzjon ta’ sostituzzjoni ta’ 2.1 li l-pajjiż irid ikollu biex iżomm il-popolazzjoni stabbli. Din weħidha diġà hija sitwazzjoni inkwetanti li ilha ġejja fuqna minn żmien twil iżda li kkargat fl-aħħar snin.

Aktar inkwetanti meta nqisu li jekk inneħħu min-numru ta’ twelidijiet dawk barranin iċ-ċifra tal-fertilità fost il-popolazzjoni lokali tinżel għal madwar 0.76. Ċifri li mistennija tkompli nieżla u li se toħloq problemi kbar għall-popolazzjoni lokali fi żmien mhux ’il bogħod.

Ħaddiema barranin

In-nuqqas ta’ twelidijiet qed iwassal ukoll li mhux qed ikun hemm nies biżżejjed biex jidħlu fil-qasam tax-xogħol. Qed iwassal ukoll biex qed jiġu dejjem iżjed immigranti sew mill-Unjoni Ewropea u ferm iktar minn barra l-UE.

Qed naslu biex ftit, ftit nitilfu l-identità tagħna għax b’din ir-rata qawwija ta’ immigrazzjoni u r-rata baxxa ta’ twelidijiet, il-popolazzjoni ta’ Maltin u Għawdxin mhix tikber filwaqt li qed tikber dik tal-barranin.

Kif għedt aktar ’il fuq is-sitwazzjoni kompliet aggravat fl-aħħar 10 snin  meta n-nisa Maltin u Għawdxin kellhom inqas trabi u jekk se tissokta din ix-xejra se nispiċċaw biex l-imwiet jissuperaw it-twelidijiet u b’hekk il-popolazzjoni lokali flok tiżdied tonqos.

X’għandu jsir

Nifhmu li s-sitwazzjoni mhijiex faċli. Iżda jekk jibqa’ ma jsir xejn se nħallu ta’ dak li mhux qed isir illum ’il quddiem. Kwalunkwe soluzzjoni tieħu ħafna snin biex tibda tagħti riżultati. Għalhekk din hija ġlieda kontra l-ħin. Li iktar ma ddum ma tinstabilha soluzzjoni aktar titgħarraq is-sitwazzjoni.

Biex iż-żgħażagħ jinżammu f’pajjiżhom jridu jittieħdu miżuri biex dawn jitħajru jibqgħu fostna. Irid ikun hemm pagi aħjar biex iż-żgħażagħ ikun inkoraġġiti li jieħdu l-istat tagħhom. Hawnhekk jidħol ukoll il-prezz tal-propjetà.

Jirriżulta minn ċifri uffiċjali li ġew pubblikati dan l-aħħar li f’biss seba’ snin, jiġifieri bejn l-2018 u Settembru 2024 (ara tabella) il-propjetà residenzjali għoliet b’50 fil-mija.

Ċifri uffiċjali li juru kemm għoliet il-propjetà residenzjali f’pajjiżna bejn 2019 u Settembru 2024

Il-kirjiet għolew ferm iktar. Iżda l-pagi m’għolewx daqshekk u għalhekk huwa ferm diffiċli biex iż-żgħażagħ li jridu jibdew familja jkollhom il-flus biex jixtru jew jikru. Dan mingħajr ma nqisu wkoll li biex jieħdu self mill-banek iridu jagħmlu depożitu ta’ 10 fil-mija li mhux faċli jkollhom.

Hekk iż-żgħażagħ tagħna diġà qed jibdew fuq sieq ħażina. Piż li jkompli jikber meta tqis li post li jitħallas minn self iddum ħajtek kollha biex tħallsu lura u meta tkun ħallastu ssib li l-post li tkun fih ikun swielek iktar mid-doppju li xtrajtu!

Ma’ dan illum hemm il-problema li n-nisa qegħdin jiżżewġu aktar tard f’ħajjithom għax dawn ikunu jridu jħarsu wkoll il-karriera tagħhom. Dan ukoll qed iwassal biex ikollhom inqas trabi.

Teżisti  wkoll il-problema li ddejjaq liż-żgħażagħ li ħafna ħatriet, promozzjonijiet u impjiegi qed jingħataw mhux skont x’taf iżda lil min taf u skont x’kulur politiku jkollok. Żgħażagħ qed isibu li żgħażagħ oħra li kienu l-università magħhom u dejjem kienu warajhom, ħadu ħatriet li huma anqas joħolmu bihom.

Ma ninsewx li kien hemm il-Ministru Clayton Bartolo, li tneħħa wara l-iskandlu fejn martu ngħatat ħatra ta’ konsulent li ma kelliex il-kwalifiki għaliha, li qal li l-ħajja mhix biss diplomi u gradi iżda hemm dawk li huma kapaċi minħabba l-esperjenza tagħhom. Kellna avukat żagħżugħ li ngħata ħdax-il impjieg għaliex kien “blue eyed boy”!

It-trobbija tat-tfal

Darba ż-żgħażagħ jiżżewġu tqum imbagħad il-mistoqsija ta’ kemm iridu tfal. Kull tarbija hi piż speċjalment jekk ikun jaħdem ir-raġel biss. Jekk ikunu jaħdmu l-koppja l-mara trid tara jew li tibqa’ d-dar trabbi lil uliedha jew tara ma’ min se tħallihom.

Illum anke jekk ikun hemm il-ġenituri li jkunu jistgħu jieħdu ħsieb in-neputijiet, għadna ħafna minnhom li jibqgħu jaħdmu wkoll biex ilaħħqu mal-ħajja għax il-pensjonijiet mhumiex biżżejjed biex jgħixu ħajja diċenti. Għalhekk ma jkunx faċli li t-tfal jitħallew man-nanniet.

Dan kollu jirrikjedi inizjattivi favur il-koppji li jwelldu. Iniżjattivi bla preċedenti li jridu jinkludu tnaqqis sostanzjali mill-‘income tax’, għajnuniet finanzjarji, ħlas adegwat lill-mara li biex trabbi jkollha tħalli l-impjieg tagħha. Għajnuniet b’saħħithom li jħajru liż-żgħażagħ biex bis-serjetà jieħdu l-istat tagħhom u jkabbru familja.

Ma nistgħux inkomplu nipprokrastinaw. Is-sitwazzjoni ilha li ħaditna. Kull jum li nħallu mingħajr soluzzjoni jfisser iktar snin biex nirpiljaw. Biex il-popolazzjoni ta’ pajjiżna, flok tiċkien, tibda tikber mill-ġdid.