Lokali

Rapport indipendenti tal-Ombudsman isib falliment sistematiku fit-tmexxija tal-ħabs

Falliment sistematiku fit-tmexxija tal-ħabs. Ksur ta’ regolamenti. Użu ta’ intimidazzjoni u trattament degredanti ta’ priġunieri.

Kienu dawn il-konklużjonijiet xokkanti li ħarġu minn rapport indipendenti illi tfassal mill-Ombudsman, f’investigazzjoni li saret dwar it-tmexxija tal-ħabs bejn l-2018 u l-2021 – cioè – t-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli, illi jinkludu sentejn taħt għajnejn Robert Abela.

Minn evidenza miġbura minn priġunieri, eks priġunieri, uffiċjali pajżana u gwardjani tal-ħabs flimkien ma’ numru ta’ xhieda oħra, irriżulta illi kien hemm falliment sistematiku b’detriment għall-priġunieri.

Ir-rapport ikkonkluda li f’dan il-perjodu kien hemm ksur totali ta’ regolamenti tal-ħabs, fejn lanqas biss kien hemm standard operating procedure, bl-uffiċjali tal-ħabs jaddottaw attitudni raffa mal-priġunieri – attitudni li kienet riżultat tal-attitudni li kien jaddotta d-direttur tal-ħabs ta’ dak iż-żmien – il-Kurunell Dalli.

Madanakollu, filwaqt li l-Ombudsman, għaraf li d-drogi fil-ħabs naqsu b’mod sostanzjali f’dan il-perjodu – dan ma jiġġustifikax l-ksur tad-dinjità tal-bniedem.

Taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli; kienu bosta l-priġunieri li wettqu suwiċidju, 14-il persuna. B’dan ir-rapport isib illi l-aġir tal-uffiċjali tal-ħabs, possibbilment wassal biex priġunieri vulnerabbli ikunu affetwati aktar minn oħrajn; bir-riżultat li jwettqu suwiċidju jew attentat ta’ suwiċidju.

Kien fid-dawl ta’ dan kollu, illi l-Ombudsman pprovda numru ta’ rakomandazzjonijiet fosthom assessjar ta’ performance tal-uffiċjali, taħriġ kontinwu lil dawk li jaħdmu fil-ħabs, l-implimentazzjoni ta’ standard operating procedure u ż-żieda fl-opportunitajiet ta’ xogħol għall-priġunieri fost l-oħrajn.

Bl-Ombudsman jirrakkomanda wkoll illi jsir assessjar psikoloġiku tal-uffiċjali tal-ħabs, b’mod speċjali d-Direttur tal-ħabs u l-uffiċjali superjuri fil-faċilità.

Intant, minkejja li t-tmexxija tal-ħabs ilha għal dan l-aħħar snin iċċaħħad lill-media milli tidħol fil-ħabs billi juru diviżjonijiet li trid it-tmexxija biss – dan ir-rapport irrakkomanda li l-media għandha tingħata l-faċilità li tidħol f’postijiet ta’ detenzjoni.

It-tmexxija ta’ Alex Dalli kienet ikkaraterizzata minn skandli diversi, terrur, mwiet u nuqqas ta’ trasparenza. Fatturi li għalihom Byron Camilleri u Robert Abela għalqu għajnejhom….iżda issa konferma ċara, it-tmexxija ta’ Alex Dalli, bil-barka ta’ Byron Camilleri u Robert Abela, kienet tmexxija ta’ intimidazzjoni li wasslet għal falliment sistematiku tal-ħabs.

Alex Dalli f’dawn is-snin kien ukoll tilef libell li kien fetaħ kontra dan l-istazzjon, meta akkużana li qed inxerrdu fake news. Meta fil-verità…il-Qorti stess gidbitu, u issa l-Ombudsman qed jgħid li l-uniku ħaġa li xterdet kienet din l-atmosfera ta’ terrur li ried joħloq hu stess.