Soqfa kkundannati f”riskju imminenti li jaqgħu, gallariji li qegħdin f’riskju ta’ kollass u travi tal-konkos li ddeterjoraw.
Huwa dan l-istat li fih Gvern Laburista ħalla lill-Isptar Karin Grech.
Dan kollu ġie mgħarraf minn rapport li l-Ministru JoEtienne Abela ppreżenta lix-Shadow Minister Adrian Delia f’dibattitu fuq il-programm NetLive.
B’dan ir-rapport ippubblikat mill-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi juri illi f’ħafna mill-kmamar spezzjonati f’Karin Grech għandhom soqfa kkundannati li huma ta’ periklu serju għall-pubbliku, u li jeħtieġu intervent immedjat.
Bir-rapport jelenka numru ta’ rakkomandazzjonijiet:
- Assessjar totali tal-istruttura ta’ Karin Grech
- Tittieħed azzjoni immedjata sabiex jitranġaw is-soqfa kkundannati
- Is-soqfa tat-toilets għandhom jiġu appoġġjati bi travetti u plywoods
- Il-gallariji li għandhom partijiet ikkollassati għandhom jingħalqu minnufieh
- U ż-żoni li minnhom waqa’ l-konkos għandhom jitneħħew sabiex ma jaqgħux fuq persuni li qed jiffrekwentaw l-binja
Fid-dawl ta’ dan kollu, lura f’Diċembru kien irrakkomandat illi jittieħdu passi temporanji sabiex Karin Grech isir sikur għall-pazjenti u l-ħaddiema. Iżda bil-patt u l-kundizzjoni li jitfassal pjan sabiex jitranġaw it-travi madwar l-isptar.
Iżda sa issa, għaddew kważi xahrejn, bl-ebda azzjoni għadha ma ttieħdet.
Intant, jidher ukoll, illi mehmuż ma’ dan ir-rapport, kien rapport ieħor ippubblikat lura fl-2023 li wera li Karin Grech kellu numru ta’ żoni kkundannati.
Iżda minkejja dan, il-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela ma ħa l-ebda azzjoni, minkejja li nħatar Ministru tas-Saħħa f’Jannar tal-2024 – cioè – ilu sena sħiħa biex jieħu azzjoni.
Tant li kellu jsir rapport ieħor – sena wara, f’Diċembru tal-2024.
Dawn il-kundanni waqgħu kollha fuq widnejn torox, bil-Ministru tas-Saħħa JoEtienne Abela ma jieħu l-ebda azzjoni, filwaqt li ħalla lil Karin Grech fi stat kundannabbli għad-detriment tal-pazjenti u l-ħaddiema.
//= $special ?>