Kummerċ Lokali

Sena ta’ inizjattivi volontarji mill-BOV b’impatt qawwi fuq is-soċjetà

Il-Bank of Valletta qed ifakkar l-ewwel anniversarju tal-programm ta’ leave għal xogħol volontarju tal-impjegati tiegħu b’kisba impressjonanti. Aktar minn 430 impjegat kollettivament ikkontribwew aktar minn 3,500 siegħa għal kawżi komunitarji u ambjentali fl-2024. Din l-inizjattiva tifforma parti mill-impenn kontinwu tal-Bank b’risq ir-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva tiegħu, u tenfasizza r-rabta b’saħħitha bejn ħidma f’tim u l-impatt pożittiv fuq is-soċjetà.

Il-programm joffri lill-impjegati tal-Bank l-opportunità li jiddedikaw ġurnata matul is-sena biex jinvolvu ruħhom f’xogħol volontarju. Dan irriżulta f’numru inkoraġġanti ta’ impjegati li pparteċipaw f’inizjattivi diversi matul l-2024, li jvarjaw mit-tħawwil ta’ siġar u t-tindif ambjentali, sal-appoġġ ta’ individwi vulnerabbli u l-assistenza lil santwarji tal-annimali abbandunati.

Dawn l-attivitajiet, li ġew organizzati b’kollaborazzjoni mat-tim tas-CSR tal-Bank, raw lill-impjegati jiddedikaw il-ħin tagħhom għal kawżi li jorbtu mal-valuri ewlenin tal-Bank ta’ inklużjoni, sostenibbiltà, u eċċellenza.

Din is-sena, il-Bank of Valletta qed iġġedded il-programm ta’ leave għall-impjegati li jagħmlu xogħol volontarju, u qed jistieden l-impjegati tiegħu biex jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità biex jagħtu sehemhom u jkomplu jsaħħu r-rabtiet tal-Bank mal-komunità filwaqt li jżidu l-element uman ma’ dawk l-inizjattivi tas-CSR li jixprunaw bidla pożittiva.