Lokali Qorti

Eks Avukat jiffranka sentejn ħabs mill-appell wara li ġibed għalih aktar minn €220,000 ta’ klijent

Eks Avukat iffranka sentejn ħabs wara deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell. Il-Qorti tal-Appell Kriminali fil-fatt irrevokat sentenza ta’ sentejn priġunerija effettiva u li ssospendieta għal erba’ snin minkejja li ġiet ikkonfermata l-ħtija fil-konfront tal-Eks Avukat Patrick Spiteri (ritratt).

Huwa kien ikkundannat sentejn ħabs mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati li ġibed €224,570 minn kont bankarju ta’ klijent Irlandiż u żammhom għalih, bil-Qorti tgħid li l-ewwel Qorti kienet korretta fil-ġudizzju tagħha imma l-fatt li Spiteri beda jħallas id-dejn li kellu mal-vittma u aktar tard lill-eredi tiegħu, kienet irrevokata s-sentenza mill-Ewwel Qorti.

Dan il-każ imur lura mill-inqas għal 25 sena. Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, qalet li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti ta’ sentejn priġunerija kienet fil-parametri tal-liġi, iżda l-Qorti qalet li ma tistax ma teħux inkonsiderazzjoni r-rikors konġunt li ġie intavolat fit-30 ta’ Settembru 2024, fejn Spiteri u l-parte ċivile qegħdin jaqblu li s’issa, l-l-eks avukat kien ħallas lura s-somma ta’ €72,500, u li hemm ftehim ta’ rimbors minn favur il-vittma, jew l-eredi tiegħu, billi l-vittma laħaq miet.

Il-Qorti tal-Appell fis-sentenza tagħha qalet li għalkemm Patrick Spiteri kellu diversi snin sabiex iħallas dan id-dejn, jidher li dan beda jagħmlu biss reċentement, x’aktarx għaliex hemm piena karċerarja mdendla fuq rasu. Il-Qorti hi tal-fehma li l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti għandha tiġi riformata u dan sabiex il-vittma jew vittmi jitħallsu l-flejjes kollha dovuti.

Spiteri, li għandu 60 sena u jgħix il-Wardija, kien tressaq mill-Ispettur Anna Marie Xuereb li fl-24 ta’ Frar 2001, u fix-xhur ta’ wara, żamm għalih flus b’dannu għal Leslie Bricusse. Bricusse kien kompożitur Ingliż tal-films u t-teatru. Huwa kien miet fid-19 ta’ Ottubru tal-2021 fl-età ta’ 90 sena.

Mill-provi ħareġ li kien fl-1996 li Spiteri sar jaf li Bricusse kien interessat jiġi jgħix Malta. Huwa kien qabbad lil Spiteri biex jieħu ħsieb jiftaħlu kontijiet bankarji f’Malta kif ukoll biex jeħodlu ħsieb kull ħtieġa oħra biex jibda jgħix Malta.

Lejn l-2001 Bricusse nduna li ma kienx ħallas it-taxxa għas-snin preċedenti u bagħat fax lil Spiteri fejn staqsieh għaliex ma kien ħallaslux it-taxxi. Spiteri, dak iż-żmien avukat bagħtlu lura fax fejn qallu li fl-aħħar xhur l-uffiċċju tiegħu kien qed jeżamina s-sitwazzjoni ta’ diversi klijenti minħabba li saru emendi fiskali u sostna li l-formoli tat-taxxi tiegħu (Bricusse) għas-snin 1999 u 2000 ma kenux sottomessi.

Spiteri talab lil Bricusse jħallsu €2,329 f’taxxa proviżorja u jibgħat fax lil Lombard Bank Malta plc biex jawtorizzah ħalli jkun jista’ jopera l-kontijiet. Bricusse aċċetta u wara xi żmien induna li kienu nġibdu mill-kont €224,570 mingħajr l-awtorizzazzjoni tiegħu u għalhekk għamel rapport lill-Pulizija.

Wara li kien sema’ lill-akkużat u lill-parte civile kif ukoll ra diversi faxes li ntbagħtu bejniethom u korrispondenza mal-banek, il-Maġistrat Leonard Caruana li quddiemu kien instema’ l-każ, irrimarka li waqt li Bricusse qal li bil-flus l-eks avukat kellu jixtrilu investimenti, min-naħa tiegħu l-akkużat qal li l-flus kienu għas-servizzi tiegħu.

Il-Maġistrat Caruana kien iddikjara li mill-verżjonijiet tat-tnejn huwa jemmen lil dik ta’ Bricusse waqt li sostna li l-verżjoni tal-akkużat ma kinitx kredibbli. Huwa żied li l-Lombard Bank ħareġ sitt ċekkijiet f’isem l-akkużat li ssarrfu kollha għajr wieħed li ġie depożitat fil-kont tal-kumpanija li kellu l-akkużat.

Meta ġie biex jagħti l-piena, il-Maġistrat Caruana qal li ma jirriżultax li Spiteri rrifonda s-somma lil Bricusse u kkundannah sentejn ħabs. Minn naħa tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li wara li eżaminat l-atti kollha u d-dokumenti eżebiti, l-Qorti ma ssib xejn x’tiċċensura fl-apprezzament magħmul mill-Ewwel Qorti u dan ukoll għaliex il-verżjoni tal-fatti tal-parti offiża hija konsistenti fl-essenza tagħha, u hi saħansitra
kkorroborata minn xhieda oħra u provi dokumentarji voluminużi.

Minn dawn il-provi jirriżulta li l-parti offiża kien ta permess, bil-miktub, lil Patrick Spiteri sabiex juza’ flusu speċifikatament sabiex jixtri l-bonds u mhux għal affarijiet oħra. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Appell, bħal l-Ewwel Qorti qabilha, għandha d-dubji tagħha dwar dak li stqarr Spiteri u ċioè li huwa kien informa lil Bricusse telefonikament li kien ser juża’ l-flus sabiex jitħallas tal-fatturi pendenti li kellu.

Hekk kif irrimarkat tajjeb l-Ewwel Qorti, mill-provi prodotti jirrizulta biċ-ċar li l-komunikazzjoni bejn Spiteri u l-parte ċivile kienet dejjem issir bil-miktub, speċjalment fir-rigward materji ta’ importanza. Għalhekk il-Qorti tal-Appell tqis li arranġament bħal dak allegat minn Spiteri mhux veru li sar bil-fomm, u ġialadarba ma hemm xejn bil-miktub, il-Qorti tqis li tali ftehim fil-fatt ma sar qatt.

Dan huwa anke msaħħaħ mid-diversi komunikazzjonijiet li saru bejn l-appellant u l-parti offiża, u anke bejn Dr Michael Grech u l-appellant, fejn l-istess appellant dejjem saħaq li r-raġuni ‘l għala ma kienx
għadu għadda l-flejjes lura lil Bricusse kienet minħabba diversi problemi amministrattivi u burokratiċi, u qatt ma semma’ din il-kwistjoni tal-fatturi pendenti!

Kulma jirriżulta huwa li l-appellant kien ingħata permess mill-parte ċivile sabiex jinvestilu flusu f’bonds u li Spiteri kien ġibed dawn l-istess flejjes imma ma kien investihom qatt. Illi għalkemm Spiteri xhed b’mod dettaljat, madanakollu ma ressaqx l-iċken prova li turi l-moviment tal-flus li huwa kiseb mingħand Bricusse, u ċioè x’sar minn dawn il-flejjes mill-mument li huwa sarraf il-bank drafts li kienu mgħoddija lilu.

Din il-prova kellha ssir minnu u mhux mill-Prosekuzzjoni, billi kien evidenti, kif lanqas huwa kkontestat, li Spiteri mai nvesta ebda flejjes kif kien wiegħed u ntrabat li ser jagħmel. Wara li eżaminat l-atti kollha u d-dokumenti esebiti, il-Qorti tal-Appell qalet li ma ssib xejn x’tiċċensura fl-apprezzament magħmul mill-Ewwel Qorti u dan ukoll għaliex il-verżjoni tal-fatti tal-parti offiża hija konsistenti fl-essenza tagħha, u hija saħansitra kkorroborata minn xhieda oħra u provi dokumentarji voluminużi.

Minn dawn il-provi dokumentarji, kif diġà ngħad, jirriżulta illi l-parti offiża kien ta permess, bil-miktub, lil Patrick sabiex juza’ flusu speċifikatament sabiex jixtri l-bonds u mhux għal affarijiet oħra. Wara li rat l-artikolu 28H tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti ordnat lil Spiteri sabiex iħallas il-bilanċ li baqa’ lill-eredi ta’ Leslie Bricusse fi żmien sitt xhur.

Għal Patrick Spiteri dehru l-Avukati Franco Debono u Mark Refalo li dehru għal Spiteri fl-istadju tal-Appell.