Internazzjonali

Impenn akbar biex jinstabu l-vittmi tat-traġedja tal-ajru, bi Trump jesprimi akkużi infondati

Qed ikomplu l-isforzi biex jinstabu l-vittmi kollha tal-ajruplan tal-passiġġieri u l-ħelikopter li, fil-lejl tal-Erbgħa u l-Ħamis, baqgħu deħlin f’xulxin taħt ċirkustanzi misterjużi u waqt li t-tnejn kienu qed itiru minn direzzjonijiet opposti.

It-traġedja seħħet fuq ix-Xmara Potomac, f’Washington, u viċin ir-Reagan National Airport f’Washington, Intant, fl-aħħar sigħat, kien għaddej impenn sħiħ biex il-vittmi jkunu rkuprati mis-sit, wara pawża twila minħabba l-“kundizzjonijiet diffiċli” fl-inħawi. Hu minnu wkoll li l-kundizzjonijiet tat-temp, fl-aħħar sigħat, ma kenux wisq favorevoli għall-isforzi tal-irkuprar mill-Potomac.

Fl-inċident – li kien jinvolvi titjira tal-American Airlines u ħelikopter tal-Armata tat-tip Black Hawk – mietu 67 persuna  u bl-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, jippruvaw anki jirkupraw il-fdalijiet taż-żewġ inġenji tal-ajru.

L-investigaturi rnexxielhom jirkupraw il-‘flight data recorders’ — jew kaxxi suwed — mill-ajruplan meqrud u bl-uffiċjali jsostnu li għandu jsir rapport preliminarju dwar it-tiġrif u l-konsegwenzi li wasslu għalih fi żmien xahar.

Ir-‘recorders’, issa, se jkunu analizzati fil-laboratorju tan-National Transportation Safety Board (NTSB) li jinsab viċin il-post tal-inċident,

Bħalissa qed ikunu kunsidrati diversi fatturi fl-investigazzjoni, bl-awtoritajiet qed jiżvelaw l-identitajiet tal-vittmi tal-inċident, fosthom il-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġi tal-ajruplan u l-ħelikopter.

‘Diskors mhux mequs ta’ Trump’

Sadanittant, l-analisti li xtaqu li jibqgħu anonimi, ikkundannaw lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump wara li hu tenna li t-traġedja kienet dovuta ‘għall-fissazzjoni fuq id-diversità’ mit-Tmexxija ta’ qablu. Trump, b’dan il-kliem, ried iwassal messaġġ ċar li l-persuni li ngħataw ir-rwol ta’ kontrolluri għat-traffiku tal-ajru waqt il-Gvern preċedenti ma kenux kwalifikati għal xogħol daqshekk delikat.

Il-President Amerikan, madankollu, ma provda l-ebda dettalji jew provi konkreti li setgħu jissostanzjaw l-akkuża — u l-analisti qed jaqblu li l-kummenti tiegħu huma ‘barra minn lokhom u mhux issostanzjati’ minbarra li qed jistunaw ħafna fiċ-ċirkustanzi

Donald Trump, waqt id-diskors, qal li l-Istati Uniti tinsab f’luttu wara t-traġedja u fejn hu faħħar u rringrazzja lill-iskwadri li rreaġew minnufih għall-inċident.

Madankollu, it-ton tiegħu malajr inbidel għal wieħed ta’ akkuża – bil-President itenni li ‘it-Tmexxija f’Washington għandha idea mhux ħażin dwar x’seħħ anki jekk ma tafx x’wassal eżattament għall-ħabta bejn l-ajruplan u l-ħelikopter’.

Hu, imbagħad, kompla jisspekula li l-ingaġġ tal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru kien naqas sew mill-kwalità fiż-żmien meta Barack Obama u Joe Biden kienu qed imexxu lill-Istati Uniti u meta ‘dan seta’ kien fattur li wassal għad-diżastru’.

Il-kliem jinkwadra fil-‘kampanja ta’ attakki’  minn Trump u r-Repubblikani fil-Gvern rigward il-programmi tal-Gvern federali li jippermettu għad-diversità, l-inklużjoni u l-ugwaljanza.

Il-membri tal-Kabinett ġdid ta’ Trump u l-uffiċjali oħrajn fl-Amministrazzjoni ġdida issa impenjaw ruħhom biex ‘iżarmaw’ dawn il-programmi li, fi kliemhom stess, ‘qed jiżirgħu l-firda fost l-Amerikani minbarra li qed idgħajjfu lill-Istati Uniti’.