Mara rtirat kawża ta’ vjolenza domestika fil-konfront tas-sieħeb tagħha, wara li l-inkjesta maġisterjali dwarha ġiet tiswa €7,887. Il-mara li kienet għamlet ir-rapport fil-konfront tas-sieħeb tagħha talbet ukoll lill-Qorti biex titneħħa l-ordni ta’ protezzjoni maħruġa favuriha biex tkun tista’ tkompli bir-relazzjoni mal-akkużat li jiġi missier uliedha.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li l-proċeduri jitwaqqfu wara li għamlitilha ċara li dan kien ifisser li ma setax ikollha ordni ta’ protezzjoni mill-Qorti. Hija qalet li tkun qed tonqos jekk ma tiżvelax kemm ġiet tiswa l-inkjesta u qalet li l-liġi kif inhi ma setgħetx tordna lill-mara tħallas għall-ispejjeż tal-inkjesta għax il-liġi ma tkoprix każijiet fejn l-azzjoni kriminali tkun inbdiet b’rapport.
Bħalma kien il-każ f’dawn il-proċeduri, mar-rapport tal-mara, twaqqfet Inkjesta Maġisterjali li ġiet tiswa lil Erarju xejn anqas minn €7,887.98c. Bit-twaqqif ta’ dawn il-proċeduri, tali ħlasijiet konnessi mal-ħatra ta’ esperti se jibqgħu mhux rekuperabbli mill-Istat Malti, bi preġudizzju kemm għall-istess Erarju iżda wkoll għal kull tax-payer.
Fil-fehma tal-Qorti, din qalet li għandu jkun hemm konsiderazzjoni kif din l-inkonsistenza tiġi indirizzata. Kwalunkwe deċiżjoni tal-parte leza, filwaqt li tiġi rispettata, ma tistax tittieħed in a vacuum u tissarraf fi preġudizzju finanzjarju gratwita għall-persuni u entitajiet oħra bħalma hi l- Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati.
Filwaqt li l-Aġenzija tal-Qorti ma żammitx lura biex tagħmel pagamenti konsiderevoli sabiex l-investigazzjoni imnedija u l-prosekuzzjoni titmexxa ‘l quddiem, hu irraġonevoli ui nġust, li issa tibqa’ skoperta u mqiegħda f’pożizzjoni fejn ma tistax tirkupra dawn il-flejjes, flejjes li jitħallsu mit-taxxi tal-poplu
Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li mill-kondotta aġġornata tal-imputat, esibita fuq ordni tal-Qorti, għalkemm jirriżulta li l-akkużat mhux xi ‘first-time offender’, bil-kundanni tiegħu kważi kollha relatati ma’ ‘ reati kommessi fuq omm il-wild tiegħu, liema reati qatt ma kienu ta’ natura vjolenti.
Il-Maġistrat Frendo Dimech ordnat li kopja tad-digriet tintbagħat lill-Ministru tal-Ġustizzja, lill-Avukat Ġenerali u lill-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati li ħallset għall-inkjesta.
F’dan il-każ l-Avukati Matthew Xuereb u Edward Gatt dehru għar-raġel waqt li l-Avukat Jason Azzopardi kien qed jassisti lill-mara.
//= $special ?>