Il-Ministru Byron Camilleri għamel snin twal jiddefendi lill-Kurunell Alex Dalli. Ħareġ għonqu għalih ripetutament. U issa li Dalli ġie kundannat b’saħħa mill-Ombudsman, kien hemm biss skiet totali mill-istess Ministru dwar dan ir-rapport iebes.
Ebda apoloġija minn naħa ta’ Byron Camilleri – aħseb u ara, xi forma ta’ responsabbiltà politika.
Il-Ministru qal biss li tul il-perjodu li kien qed jinkiteb dan ir-rapport tal-Ombudsman “ħa diversi azzjonijiet”, hekk kif kienu tliet snin ta’ bidliet u azzjonijiet kontinwi. Liema bidliet setgħu wkoll isiru għax fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin kienet miġġielda l-pjaga tad-droga, kif jirrikonoxxi r-rapport innifsu.
Fi kliem sempliċi, minn rapport sħiħ ta’ kundanni, il-Ministru kwota biss linja waħda dwar id-drogi. U ma qal xejn dwar l-ambjent ta’ intimidazzjoni li kien hemm fil-ħabs, u dik li l-Ombudsman sejħilha “amministrazzjoni ħażina” tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li wasslet għall-kollass tas-sistema.
//= $special ?>