Lokali

“Din l-art tal-poplu u rridu li l-Gvern iżomm kellmtu magħna”

Aħna niswew inqas minn €380,000 ċens fis-sena?

Daqsekk art pubblika għall-iżvillupaturi.

Kienet din l-għajta tar-residenti tal-Mellieħa waqt protesta li saret fil-Mellieħa wara li ġie kkonfermat li ser isir trasferiment ta’ art pubblika lil privat sabiex ikun jista’ jiżviluppa, bix-xogħol spiċċa beda’ fil-ġranet li għaddew.

Bis-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef, li kien preżenti għal din il-protesta jsostni li l-Gvern għadu m’għamel xejn dwar l-art tal-Mellieħa Heights… anke jekk kien wiegħed li mhux ser iħalli art ta’ dan it-tip tiġi sfruttata.

Is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef, spjega wkoll li  x-xogħol spiċċa beda’ fil-ġranet li għaddew, dan minkejja l-appelli pendenti u l-investigazzjoni li għaddejja mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika.

Is-Sindku Nazzjonalista sostna wkoll li l-permess għall-iżvilupp kien mgħaġġel u approvat f’xahrejn biss, tant li flimkien mar-residenti ressqu l-appelli meħtieġa.

Gabriel Micallef stqarr ukoll li kien bgħat ittra lill-Prim Ministru nnifsu għal laqgħa fuq dan l-isfreġju ambjentali anke sabiex din id-deċijoni tiġi rrevokata. Abela stess kien  stqarr li mhux ser iħalli artijiet bħal dawn jiġu sfruttati – madanakollu huma baqgħu ma minajr risposta għal laqgħa mal-Prim Ministru, b’riżultat li x-xogħol xorta waħda spiċċa beda’ .

Għal din il-protesta attendew ammont sostanzjali ta’ residenti flimkien mas-Sindku, l-Viċi Sindku u kunsilliera. Preżenti kien hemm ukoll id-deputati tal-Partit Nazzjonalista Ivan Castillo u Robert Cutajar.