Il-Parlament Ewropew se jisma’ u jiddibatti petizzjoni dwar l-infurzar tad-drittijiet Ewropew dwar Noise Pollution għal ħinijiet ta’ mistrieħ u limiti legali tal-ħsejjes fl-20 ta’ Frar.
Il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jiddibatti l-Petizzjoni 1150/2024, imressqa mill-MEP Peter Agius u l-Membru Parlamentari Nazzjonalista Albert Buttigieg, li titlob l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE 2002/49/KE dwar il-ħsejjes ambjentali f’Malta.
Imressqa f’isem eluf ta’ residenti, il-petizzjoni tinsisti għal azzjoni immedjata biex jiġi żgurat kontroll effettiv tal-inkonvenjenti mill-ħsejjes.
Residenti f’diversi zoni ta’ Malta u Għawdex qed jgħixu ħinijiet twal bl-inkonvenjent ta’ mużika amplifikata jew xogħlijiet storbjużi fit-toroq, bl-awtoritajiet Maltin jonqsu milli jinfurzaw il-liġijiet marbuta mal-livell tal-ħsejjes f’ċerti ħinijiet tal-ġurnata, kemm waranofsinhar u anke matul il-lejl. Dan meta u l-pjani t’azzjoni huma obbligatorji bid-direttivi Ewropew.
In-“Noise Action Plan for Malta Agglomeration 2019-2024” għadu mhux implimentat, u minħabba f’hekk qed iħalli lir-residenti esposti għal livelli eċċessivi ta’ ħsejjes mingħajr protezzjoni.
“Kull ġimgħa nirċievi messaġġi jew telefonati mingħand nies jilmentaw bir-raġun li l-awtoritajiet mhux jagħtu każ il-karbiet tagħhom kontra l-istorbju eċċessiv. Wara li studjajna s-sitwazzjoni, indunajna li l-Gvern Malti mhuwiex qed jimplimenta l-istandards tal-UE dwar il-livelli tal-ħoss u l-ħinijiet ta’ mistrieħ. Huwa għalhekk li l-uffiċjali tal-infurzar huma bla saħħa biex jaġixxu. Eluf ta’ familji madwar Malta qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom għal ambjent kwiet. Il-liġijiet tal-UE jeżistu biex jipproteġu liċ-ċittadini, u Malta trid tinforzahom,” qal l-MEP Peter Agius.
Il-petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew qed titlob lill-Kummissjoni Ewropea tinvestiga n-nuqqas ta’ konformità ta’ Malta, titlob l-infurzar tal-kontrolli fuq il-ħsejjes, u tesplora rimedji għal dawk affettwati.
L-MEP Agius qal: “Ejja niddefendu d-dritt tagħna għal ambjent aktar kwiet u b’saħħtu. Inħeġġeġ lil kulħadd biex jappoġġja din il-kawża billi jiffirma l-petizzjoni online. Dan se jibgħat sinjal qawwi li rridu bilfors ingawdu d-dritt tagħna fi ħdan l-UE!”