Mara ta’ 22 sena qiegħda tinżamm arrestata wara argument li seħħ f’Wied il-Għajn.
Kienu għall-ħabta tad-8:45am, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’appartament fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn.
Il-Pulizija marru fuq il-post u sabu lill-mara b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Hija mxiet lejn il-Pulizija bl-arma b’mod aggressiv, u għalhekk kellhom jużaw it-taser gun.
Mal-ewwel tfittxijiet fl-appartament instab raġel ta’ 23 sena. Hu nstab ferut hekk kif kien f’argument mal-mara ta’ 22 sena. Argument li fih allegatament intużat arma li taqta’ u bil-ponta.
Mill-ewwel issejjaħ tim mediku li ta l-assistenza liż-żewġ persuni. Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza bir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi gravi u l-mara bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici fetaħ inkjesta filwaqt li l-nvestigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>