Dak li ħareġ mir-rapport tal-Ombudsman dwar il-ħabs jikkonferma dak li rrappurtaw ripetutament ħafna ġurnalisti dwar dak li kien qed jiġri fil-ħabs mill-2018 ‘l hawn. Tant illi l-Ombudsman sab amministrazzjoni ħażina, trattament degradanti tal-priġunieri, u l-użu tal-intimidazzjoni bħala għodda amministrattiva.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa llum mill-għaqda Repubblika.
L-Ombudsman ikkonferma dak li ilna nafu dwar l-amministrazzjoni ta’ Alexander Dalli. Fil-ħabs seħħ ksur sistematiku tal-liġi. Dan waqt li l-Ministru Byron Camilleri baqa’ jinsisti li jżomm lil Alexander Dalli f’postu u jiddefendi l-amministrazzjoni tiegħu. Wara li Alexander Dalli spiċċa mill-ħabs, Byron Camilleri appuntah rappreżentat tal-istat Malti fil-Libja fejn għadu.
L-Ombudsman qal ilbieraħ li mhix il-funzjoni tiegħu li jiddetermina min għandu jefa’ r-responsabbiltà politika għal amministrazzjoni sistematikament ħażina tal-ħabs. Dan hu minnu. Imma r-responsabbiltà politika hi hemm u trid tintrefa’.
Fi kliem Repubblika, Byron Camilleri għandu jirreżenja. U Alex Dalli għandu jitkeċċa minn kull funzjoni pubblika.
U l-pulizija għandha tistħarreġ minnufih x’azzjonijiet kriminali twettqu minn uffiċjali tal-gvern meta aktarx dolożament bi ksur tad-dmirijiet tagħhom għakksu lill-priġunieri fdati fir-responsabbiltà tagħhom.
Jekk impjegati tal-istat abbużaw il-poter tagħhom biex ġiegħlu lil persuni ibatu jekk mhux anke jmutu, hu l-obbligu tal-istat li jaġixxi kontrihom skont il-liġi. Inkella l-inġustizzja ssir doppja. Dawn l-abbużi ilna nafu bihom is-snin minn rappurtaġġ kuraġġuż tal-ġurnalisti ibbażat fuq xhieda (ta’ impjegati tal-ħabs u ta’ detenuti) li ħadu riskji kbar biex jikxfu l-abbuż li kien qed jiġri.
Ftit huma l-każijiet li jistgħu aktar jispjegaw kemm huma ħżiena r-riformi li jrid jagħmel il-gvern. Il-gvern irid (1) jagħti l-immunità minn responsabbiltà kriminali tal-impjegati tiegħu; (2) jiskwalifika evidenza ta’ kwalità ġurnalistika milli tintuża biex tintalab inkjesta maġisterjali dwar allegazzjonijiet ta’ abbużi minn uffiċjali tal-gvern. U dan waqt li mhux talli l-pulizija ma investigawx lil Alexander Dalli u lill-uffiċjali l-oħra li l-Ombudsman qal li kienu jimitawh, talli l-Ministru Byron Camilleri iddefendih u ppromwovih.
L-ewwel li jbatu mill-falliment tas-saltna tad-dritt huma dawk l-aktar vulnerabbli. M’aħniex kollha priġunieri. Imma jekk m’aħniex kapaċi naraw kif l-abbuż sistematiku tad-dinjità u d-drittijiet fundamentali ta’ nies li ħajjithom hi fdata f’idejn il-gvern, il-kroll tas-saltna tad-dritt se jfisser l-abbuż u ċ-ċaħda tad-drittijiet ta’ kull min isib ruħu antipatku għall-gvern.
Nirringrazjaw lill-Ombdusman għal dan ir-rapport u lill-Moviment Graffitti li kienu dawk li ġibdu l-attenzjoni tal-Ombudsman għal dak li kien qed jiġri fil-ħabs.
//= $special ?>