Lokali

Żieda fil-prezz tal-ħalib lokali u prodotti oħrajn

Ir-raħħala qed iħossu d-daqqa tal-inflazzjoni. Il-produtturi tal-ħalib affaċjaw numru ta’ żidiet fl-aħħar snin. L-għajnuna tal-Gvern hija kważi ineżistenti. U l-piż intefa’ kollu fuq ir-raħħala.

Hekk stqarrew magħna numru kbir ta’ produtturi illi jinsabu ferm urtati għall-fatt li l-Gvern donnu qed jgħin settur oħrajn, iżda r-raħħala baqgħu minsija – bil-piżijiet ikomplu jiżdiedu sena wara l-oħra.

Din in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Gvern wasslet biex il-Malta Dairy Products ma kelliex triq oħra ħlief li żżid mill-ġdid il-prezzijiet tal-prodotti tal-ħalib.

Minn issa, kartuna ħalib kbira whole milk żdiedet minn €1.15 għal €1.23 – żieda ta’ 8 ċenteżmi.

Il-ħalib semi-skimmed żdied ħames ċenteżmi. Dan filwaqt li l-iskimmed żdied żewġ ċenteżmi.

Il-ħalib tal-Benna Lactose Free – il-kbir – żdied ħames ċenteżmi.

Ma’ Net News, il-kumpanija insistiet li l-prezzijiet se jiżdiedu biex tinżamm il-kwalità ta’ dan il-prodott lokali.

Malta Dairy Products ikkomunikat dawn l-aġġustamenti fil-prezz lis-sidien tal-ħwienet u distributuri. Iżda uffiċjalment qatt ma ġew komunikati lill-media.