Mat-Times of Malta, il-Ministru Byron Camilleri insista li l-pajjiż qed jibbenefika mill-ħidma ta’ Alex Dalli fil-Libja f’dak li għandu x’jaqsam immigrazzjoni rregolari – dan ifisser li b’mod mill-aktar sfaċċat, Byron Camilleri qed jiġi jaqa’ u jqum mir-rapport ta’ istituzzjoni ta’ integrità bħalma huwa l-uffiċċju tal-Ombudsman. Bil-Ministru jħalli persuna li instabet ħatja ta’ azzjonijiet razzisti…proprju tieħu ħsieb il-qasam tal-immigrazzjoni rregolari.
Ir-rapport dwar il-ħabs sab evidenza ċara ta’ razziżmu fil-konfront ta’ priġunieri barranin taħt it-tmexxija ta’ Alex Dalli fejn saħansitra kien hemm min kien sfurzat jinżel għarkupptejh quddiem il-klieb tal-Pulizija u oħrajn mneżża’ minn ħwejjiġhom u mgħotija xeba ilma bil-pajp.
U minkejja l-ħtija ta’ degradazzjoni umana, minkejja li nstab ħati ta’ ksur ċar tar-rule of law u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem – il-Ministru Byron Camilleri u l-Prim Ministru Robert Abela xorta waħda għadhom qed joħorġu għonqhom għal Kurunell Dalli.
Ironikament waqt li kien għaddej dan kollu, wara li kienu rrapportati xejn inqas minn 14-il suwiċidju fil-ħabs frott dak li l-Ombudsman iddeskriva bħala fabbrika tal-ħażen, il-Prim Ministru Robert Abela lura fl-2021 kien insista li kellu fiduċja sħiħa f’Dalli.
Fl-istess perjodu Byron Camilleri meta dak iż-żmien kien mistoqsi x’kien qed jistenna biex iwarrab lil Alex Dalli huwa kien qalilna li jimxi fuq il-fatti….bir-riżultat li baqa’ sal-aħħar jiddefendih.
Tliet snin u nofs wara dawn il-kummenti, il-Ministru issa għandu l-fatti f’idejh – u xorta waħda qed jiddeċiedi li jibqa’ jippremja lil Alex Dalli.
Għaldaqstant huwa ċar li l-ġudizzju kemm tal-Prim Ministru Robert Abela u tal-Ministru Camilleri huwa wieħed assolutament żbaljat, u li b’mod ċar ir-rapport tal-Ombudsman iwaqqa’ għal kollox.
Mistoqsi mit-Times of Malta hux se jkun qed jixħet ir-riżenja tiegħu wara l-aħħar mismanagement tiegħu, fost lista twila fl-aħħar snin, Byron Camilleri ma weġibx.
Bil-Partit Nazzjonalista u diversi NGOs qed jappellaw lill-Ministru sabiex jirriżenja immedjatament – għalkemm sal-lum, għadha tidwi d-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela.
//= $special ?>