Għawdex Lokali

Bi Gvern ġdid Nazzjonalista Għawdex jikber b’impjiegi ġodda, infrastruttura moderna u turiżmu li jrendi iktar – Bernard Grech

Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jinvesti sabiex Għawdex jikber ekonomikament b’iktar impjiegi, b’servizzi u opportunitajiet ġodda fl-edukazzjoni u fis-saħħa, b’turiżmu li jrendi iktar u b’infrastruttura moderna ta’ gżira reġjun.

Waqt attività politika f’Għajnsielem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech elenka l-miri ċari ta’ Gvern  ġdid Nazzjonalista għal Għawdex. 

Bernard Grech qal li, sabiex l-ekonomija f’Għawdex tikber u toħloq iktar impjiegi, jinħtieġ li jkun hemm konnettività tajba bejn iż-żewġ gżejjer.  Huwa tenna l-impenn ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista li:

  • jżid il-flotta tal-vapuri għal ħames vapuri 
  • jżid vapuri li jesgħu iktar karozzi u passiġġieri sabiex jiqsar il-ħin ta’ stennija 
  • jżid vapuri li jagħmlu traġitt f’inqas ħin 
  • jżid is-servizz tal-Fast Ferry
  • jagħmel faċilitajiet ġodda fejn jitrakkaw il-vapuri 

Minbarra dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żied li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jimpenja ruħu sabiex isaħħaħ kemm it-turiżmu kostali kif ukoll dak rurali f’Għawdex.

Bernard Grech tenna l-impenn tiegħu li Għawdex ikun bejta ta’ attività ekonomika fil-qasam diġitali, fit-teknoloġija u fl-AI li jistgħu jkunu niċeċ ekonomiċi li joħolqu xogħol b’pagi tajba f’Għawdex.       

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li, sabiex l-ekonomija tirnexxi, il-ħaddiema jrid ikollhom kwalità tal-ħajja tajba u kien għalhekk li matul din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista ħabbar strateġija komprensiva għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja li tinkludi: 

  • espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom iktar ħin flimkien
  • leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem – inkluż il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom
  • appoġġ għall-kura tat-tfal u r-remote working 

B’referenza għaż-żieda fil-prezz ta’ diversi prodotti u servizzi essenzjali għall-familji, Bernard Grech qal li l-Gvern Laburista mhu jieħu l-ebda inizjattiva biex irażżan din iż-żieda. Għall-kuntrarju, l-Oppożizzjoni ħarġet bi proposti konkreti li jindirizzaw l-għoli tal-ħajja.  

Bernard Grech irrefera għall-istħarriġ ippubblikat illum li jpoġġi lill-Partit Nazzjonalista fuq quddiem f’Għawdex u sostna li dan ikompli jsaħħaħ l-impenn tal-Partit Nazzjonalista li jibqa’ ffukat fuq in-nies.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-iżviluppi li seħħew matul din il-ġimgħa jkomplu jixhdu kemm għandna Gvern li huwa ffukat fuqu nnifsu u li moħħu biss kif se jaħbi l-verità, kif se jsikket il-ġurnalisti u kif se jdgħajjef liċ-ċittadin.   

L-attività politika kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Internazzjonali u kandidat tal-Partit Nazzjonalista Beppe Galea li qal li Gvern ġdid Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech se jkun qed jinvesti biex Għawdex ikun reġjun fejn l-ekonomija, il-kultura u l-ambjent jimxu id f’id.   

Ix-Shadow Minister għall-Kwalità tal-Ħajja u l-Gvern Lokali Chris Said silet id-differenza bejn l-investiment li għamlu Gvernijiet Nazzjonalisti f’Għawdex u n-nuqqas ta’ investiment ta’ Gvern Laburista minkejja l-wegħdiet ta’ tliet Ministri għal Għawdex differenti.   

Ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg spjega kif Għawdex huwa minsi mill-Gvern Laburista f’oqsma bħal dawk tal-konnettività bejn Malta u Għawdex, it-traffiku u, fuq kollox, is-saħħa.  Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista, bit-tmexxija ta’ Bernard Grech, għandu pjan ċar għal Għawdex.