Sport Sport Ieħor

Training camp professjonali għall-players ta’ Paola Volleyball Club

Bejn it-Tnejn 3 u t-Tlieta 4 ta’ Marzu il-club ta’ Paola Volleyball se jorganizza training camp b’xejn għall-players tiegħu li se jkun immexxi mill-coach professjonali Taljana Norma Pilota. Dan il-camp se jsir fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin u sar possibbli wara l-ftehim li ntlaħaq ftit tax-xhur ilu bejn il-kumitat tal-club, immexxi minn Dr Kenneth Vella, u s-Sur Fabrizio Costantino, il-President tal-club tas-Serie A fl-Italja Akademia Sant’Anna.

Permezz ta’ dan il-ftehim, il-club Taljan qiegħed jassisti lil club Malti kemm mil-lat tekniku u anki amministrattiv. Pilota għandha esperjenza vasta fil-qasam tal-coaching fl-Italja. Dan wara li għal ħafna snin lagħbet f’kull livell tal-kampjonati Taljani. Mistoqsi dwar dan it-training camp, Vella beda billi rringrazzja lil Costantino u lill-kollegi tiegħu fi ħdan it-tmexxija tal-club Taljan tal-appoġġ kontinwu tagħhom.

“Inizjattivi bħal dawn jwasslu biex il-club tagħna, li bħalissa jinsab fl-ewwel post tal-ewwel diviżjoni tal-kampjonat Malti, jkollu bażi aktar soda u professjonali, anki bit-tisħiħ tat-team ewlieni u anki tan-nursery tiegħu. Barra dan, waħda mis-sessjonijiet se tkun miftuħa wkoll għal tfal li jixtiequ jibdew dan l-isport u b’hekk bħala club inkunu wkoll qiegħed nippromwovu dan l-isport fuq livell nazzjonali,” tenna Vella.

Dr Kenneth Vella fakkar li l-club Pawlist qiegħed jippjana wkoll biex is-Sajf li ġej players fi ħdan in-nursery jieħdu sehem ukoll f’camp internazzjonali barra minn xtutna. Dettalji dwar dan se jingħataw fil-ġimgħat li ġejjin. Dan kollu ma kienx ikun possibbli mingħajr il-ħidma kontinwa tal-coaches kollha li jagħmlu parti mill-istaff tekniku, fosthom Michael Magro, Antonio Borg, Carmen Gauci, Bogdan Lackovic, Alex Albanese u Alesio Muscat u anki mil-lat amministrattiv b’impenn kontinwu ta’ Alexia Brincau, Tiziana Bonnici u Claire Falzon.

Ringrazzjament speċjali jmur ukoll lejn l-isponsors tal-club li huma Executive Security Services, Marindex Trophies, Yes2Health Fitness Club, Maypole, HandsOn Systems, De Paola Pharmacy, Izibet u Dragonara Casino and Brasserie.  Ġenituri ta’ tfal li ma jagħmlux parti mill-club u li jixtiequ jirreġistraw lil uliedhom għas-sessjoni li se tkun offruta bla ħlas jistgħu jagħmlu dan billi jibgħatu email fuq paolavolley@yahoo.com