Lokali

Andy Ellul jibqa’ jiddefendi lil Byron Camilleri

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul baqa’ ma kkundannax l-aġir ta’ Alex Dalli bħala Direttur tal-ħabs – filwaqt iddefenda lil Byron Camilleri meta mistoqsi jekk il-Ministru għandux jirreżenja. Dan wara li l-Ġimgħa ġie ppublikat rapport tal-Ombudsman li juri biċ-ċar kemm it-tmexxija ta’ Alex Dalli fil-ħabs żgur ma kinetx waħda “korrettiva” fost il-priġunieri – anzi tmexxija li, skont ir-rapport, waslet għal ksur ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem u li anke waslet għal inċidenti ta’ suwiċidju fost il-ħabsin.

Bil-ħabs jiġi deskritt bħala “fabbrika tal-ħażen”.

Ir-rapport tal-Ombudsman kopra is-snin 2018 sal-2021 – perijodu li fih Byron Camilleri kien responsabbli mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

U Andy Ellul minflok ikkundanna lil Alex Dalli u lil Byron Camilleri ħareġ b’attakk partiġjan li mar lura għal aktar minn 13-il sena ilu.

Is-Segretarju Parlamentri baqa’ la kkundanna lil Alex Dalli u wisq anqas irrisponda dwar min ser jġorr ir-responsabbiltà għal dak li seħħ fil-ħabs.

Skomdu bil-mistoqsijiet ta’ Net News, Andy Ellul baqa’ ma kkundannax lanqas lill-Ministru Byron Camilleri, li kemm kien ilu Alex Dalli fit-tmun tal-ħabs, baqa’ dejjem jiddefendih. Dan apparti li ma rrispondix jekk Byron Camilleri għandux jirreżenja.

Wara dan ir-rapport indipendenti, il-Kap tal-PN Bernard Grech mal-ewwel saħaq li l-politiċi għandhom iġorru r-responsabbiltà. U għalhekk sejjaħ għar-riżenja ta’ Byron Camilleri, għaliex il-Ministru qatt ma kkundanna l-aġir ta’ Dalli – dan apparti li hu suppost kien responsabbli sabiex jara li ċertu attroċitajiet li seħħew fil-ħabs ma jsirux.