Lokali

Applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex 2025-2026

Għada t-Tlieta, 4 ta’ Frar 2025, se jiftħu l-applikazzjonijiet online għal ‘Applikanti Oħra’ għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta u f’Għawdex għas-sena skolastika l-ġdida li tibda f’Settembru li ġej.

In-numru totali ta’ postijiet vakanti huwa ta’ 840 (771 f’Malta u 69 f’Għawdex). L-applikazzjonijiet għall-iskejjel f’Malta u Għawdex se jintlaqgħu bejn it-Tlieta l-4 u l-Ħamis it-13 ta’ Frar, kif ukoll bejn il-Ħamis l-20 u l-Ħamis is-27 ta’ Frar 2025.

L-applikazzjonijiet għal każijiet ta’ ażil jiftħu f’Marzu. Id-dettalji ta’ kemm postijiet imtlew bl-applikazzjonijiet ta’ ‘L-Ewwel Kriterju’ li s-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika laqa’ f’Novembru u Diċembru li għadda, jinsabu fuq Knisja.mt.

Il-proċess għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jiddetermina d-dħul fl-ewwel u t-tieni sena kindergarten, fl-ewwel sena primarja u fl-ewwel sena sekondarja. It-tabella li ġejja tispjega l-postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta. L-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Malta jsiru fuq knisja.mt/applikazzjonijiet.

Il-proċess għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex jiddetermina d-dħul fl-ewwel sena kindergarten u fl-ewwel sena sekondarja. It-tabella li ġejja tispjega l-postijiet vakanti fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex. L-applikazzjonijiet għad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja f’Għawdex isiru fuq knisja.mt/gozoapplications.

Għal aktar dettalji dwar l-applikazzjonijiet ara ċ-ċirkolari u r-regolamenti ppubblikati fuq Knisja.mt jew ibgħat email fuq admissions@maltadiocese.org.