Huwa d-dmir tal-Partit Nazzjonalista li jara li jiddefendi d-drittijiet ta’ kull ċittadin, u li jżomm lil dawk li għandhom il-poter li jipproteġu d-drittijiet tagħna, responsabbli meta jonqsu li jagħmlu dan.
Huwa fid-dawl ta’ dan kollu u aktar u aktar fid-dawl ta’ dak li qal l-Ombudsman fir-rapport tiegħu dwar it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fi żmien Alex Dalli, li llejla l-Oppożizzjoni ressqet talba fil-Parlament skont l-Ordni Permanenti 13 biex il-Kamra taġġorna biex tiddiskuti b’urġenza mozzjoni ta’ sfiduċja f’Byron Camilleri li fiha l-Partit Nazzjonalista talab ir-riżenja immedjata tal-Ministru Camilleri, jew it-tkeċċija tiegħu mill-Prim Ministru jekk ma jirriżenjax minn jeddu.
L-Ordni Permanenti 13 għall-Aġġornament tal-Kamra tippermetti li l-Parlament jaġġorna biex jiddiskuti materji definiti bħala ta’ importanza pubblika urġenti – bil-konklużjoni u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Ombudsman li sab li kien hemm azzjonijiet sistematiċi ta’ amministrazzjoni ħażina fil-Ħabs ta’ Kordin – spjegati tajjeb mill-Ombudsman fir-rapport tiegħu bħala kwistjoni ta’ importanza pubblika urġenti.
Madanakollu, it-talba – li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech – ma ntlaqgħetx mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.
Wara li l-Gvern oġġezzjona għad-diskussjoni, u l-Ispeaker ta r-ruling tiegħu li fih ċaħad it-talba tal-Oppożizzjoni, l-istess Kap tal-Oppożizzjoni ressaq mozzjoni ta’ sfiduċja ffirmata minnu u mix-Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi Darren Carabott li titlob għat-tneħħija ta’ Byron Camilleri minn Ministru.
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha l-għan li tgħin lil min ikun żbalja f’għajnejn il-liġi sabiex jirriforma ruħu u jkun jista’ jkompli ħajtu wara li jiskonta l-piena li jkun ingħata. Minflok, taħt Alex Dalli, din kienet saret post fejn il-persuni jiġu ttrattati b’mod diżuman u dan wassal ukoll biex uħud spiċċaw neħħew ħajjithom.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq din il-mozzjoni abbażi ta’ dak li qal ir-rapport tal-Ombudsman u peress li minn dan ir-rapport jirriżulta illi:
· Dawn l-azzjonijiet sistematiċi ta’ amministrazzjoni ħażina wasslu għall-ksur ta’ drittijiet fundamentali ta’ persuni li qegħdin jinżammu jew li qed jiskontaw sentenzi ġudizzjarji ġewwa l-ħabs ta’ Kordin, ksur ta’ regolamenti dwar l-amministrazzjoni tal-ħabs, u saħansitra, l-Ombudsman huwa moralment konvint illi hemm korrelazzjoni bejn din l-amministrazzjoni ħażina u n-numru ta’ mwiet u/jew suwiċidji ġewwa l-ħabs f’dan il-perjodu;
· Peress illi jirriżulta illi t-tmexxija tal-ħabs f’dan il-perjodu kienet ġiet fdata f’idejn il-Kurunell Alex Dalli bħala Direttur tal-ħabs bil-barka u s-sostenn tal-Gvern Laburista – b’mod partikolari bil-barka u l-fiduċja tal-Ministru Byron Camilleri, fejn dan tal-aħħar mhux l-ewwel darba li ħareġ għonqu għalih – u saħansitra sal-lum il-ġurnata, għadu appuntat bħala rappreżentat tal-Istat Malti fil-Libja b’paga ta’ €103,000 fis-sena mill-fondi pubbliċi;
· Illi l-Ministru għall-Intern, Sigurtà u Xogħol l-Onor. Byron Camilleri kemm-il darba ddefenda pubblikament, u kif irriżulta b’azzjonijietu, għamel l-azzjonijiet tal-Kurunell Alex Dalli bħala tiegħu;
· Peress illi l-Ombudsman jagħmilha bl-aktar mod ċar, minn paragrafu 39 et seq tar-rapport fuq imsemmi, illi r-responsabbiltà politika hi determinata li tintrefa’ minn ħaddieħor;
· Peress illi pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għall-Intern, Sigurtà u x-Xogħol tkun okkupata minn persuna li ma tkunx għamlet tagħha dawn l-azzjonijiet fil-ħabs ta’ Kordin, u li ma tkunx b’mod insistenti ddefendiet l-amministrazzjoni sistematika ħażina ġewwa l-ħabs ta’ Kordin; u
· Peress li bl-aġir tiegħu l-Onor. Byron Camilleri wera li mhux kapaċi jagħraf u jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, u konsegwentement mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern;
Il-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista tagħlaq bit-talba biex il-Kamra tad-Deputati tiċċensura l-aġir tal-Ministru Byron Camilleri, tiddikjara sfiduċja fih u titlob lill-Prim Ministru Robert Abela biex minnufih jeżiġi r-riżenja ta’ Bryon Camilleri minn Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u jekk dan ma jirriżenjax minn jeddu, jitkeċċa mill-Prim Ministru.
//= $special ?>