Kurżitajiet Lokali

FILMAT: Sempliċi toast li nbidel f’kontroversja li marret ‘viral’

Għalkemm jismu Don Brace, ħafna jafu bil-laqam tiegħu – Mr Sofrito.

Dan huwa r-raġel li f’temp ta’ ftit xhur inbidel fi stilla tal-internet. Tant li spiċċa bi kjuwijiet kbar ta’ persuni li xtaqu jduqu l-famuż toast li jagħmel f’Ħad-Dingli.

Iżda kif ġietu l-idea li jibda jitfa’ filmati qosra fuq il-midja soċjali? U kif mix-xejn, irnexxielu jmur viral?

Net News daħal fil-fond ta’ dan il-personaġġ li mhuwiex biss persuna tan-negozju – raġel li għaraf isir popolari grazzi għall-kontroversja li nqalgħet bil-prezz tat-toast li kien qiegħed jagħmel, u baqa’ jitfa’ filmati ta’ kuljum.

Dawn il-filmati fuq TikTok għadhom sal-lum iġibu eluf kbar ta’ views – b’uħud minnhom anke jlaħħqu l-100,000 view, b’filmat sempliċi li juru dan il-famuż toast.

Interessanti l-fatt li dan ir-raġel irnexxielu mhux biss iqajjem lin-negozju tiegħu, iżda f’temp ta’ ftit ġimgħat spiċċa fuq fomm il-Maltin kollha. Tant li kien hemm min anke niżel fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu mill-gżira Għawdxija biex jieħu din l-esperjenza f’Ħad-Dingli.

Madanakollu fost il-Maltin ma tonqosx il-kritika – min isostni li dan ir-raġel qiegħed jinqeda bin-nies sabiex idawwar lira bi prezzijiet esagerati u min jemmen li dak li qed jagħmel huwa marketing ġenjali.