Lokali

Għaqdiet, akkademiċi u ċittadini jitolbu b’urġenza l-ħarsien tal-barracks storiku fil-Forti Chambray – Moviment Graffitti

Il-Koalizzjoni għal Għawdex, bl-appoġġ ta’ numru ta’ għaqdiet li jaħdmu favur il-ħarsien ambjentali u l-wirt storiku, u mijiet ta’ ċittadini, fosthom akkademiċi, storiċi, u artisti prominenti, qed tressaq talba sabiex tinħareġ Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza fuq il-Barracks tal-Ingliżi fil-Forti Chambray.

Dan sar wara li t-talbiet għall-iskedar tal-binja tas-seklu 19 li saru mill-Koalizzjoni għal Għawdex ġew ripetutament injorati. Il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem qiegħed ukoll jappoġġja t-talba biex il-binja tal-barracks tiġi skedata.

In-nuqqas li jiġu skedati l-Barracks tal-Ingliżi wassal biex, fit-12 ta’ Diċembru li għadda, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat li dawn jiġu mkissra sabiex jiġi akkomodat l-iżvilupp ta’ aparthotel u blokok ta’ appartamenti fil-Forti storiku ta’ żmien il-Kavallieri li jmur lura għan-nofs is-seklu 18.

L-għaqdiet qed jisħqu li l-Barracks tal-Ingliżi għandhom jiġu protetti għall-valur storiku, arkitettoniku, kulturali u tipoloġiku tagħhom. Din hija kkaratterizzata minn faċċata b’serje ta’ loġoġ li tħares lejn il-fliegu bejn Għawdex u Malta, b’veduti spettakolari ta’ Kemmuna. Fit-talba għal Ordni ta’ Konservazzjoni ta’ Emerġenza, l-għaqdiet qed jisħqu fuq l-importanza li jiġu protetti l-barracks peress li huma l-unika binja ta’ dan it-tip f’Għawdex, u anki wkoll għax huma fost l-ewwel, jew anki possibbilment l-ewwel, eżempju ta’ kwartieri tal-miżżewġin fl-Imperu Ingliż.

Il-binja tal-barracks kienet inbniet bil-ġebla Maltija mill-istess bennej li bena l-Bażilika Ta’ Pinu. Skont riċerka li saret mill-għaqda Din l-Art Ħelwa – Għawdex, l-evidenza li nstabet fl-Arkivji Nazzjonali turi li l-binja tal-barracks tmur lura għal mill-inqas is-sena 1895. Mappa ta’ Għawdex imfassla mill-Ammiraljat Ingliż lejn l-aħħar tas-seklu 19 turi li l-Barracks tal-Ingliżi tal-Forti Chambray kienu diġà mmarkati fuq il-mappa fis-sena 1895.

Il-fatt li l-maġġoranza tal-binjiet tal-barracks ta’ żmien l-Ingliżi f’Malta ġew skedati — anke meta ma kellhomx l-importanza storika tal-Barracks tal-Forti Chambray — jagħmel in-nuqqas li dawn il-barracks jiġu protetti inspjegabbli. L-elementi u l-binjiet storiċi kollha fi ħdan il-Forti Chambray kienu ġew skedati lura fis-sena 2005, iżda l-iskedar tal-Barracks tal-Ingliż tħalla pendenti. Dan sar sabiex il-barracks ikunu jistgħu jiġu mwaqqgħa sabiex jiġi aġevolat l-iżvilupp tal-Forti Chambray f’kumpless residenzjali u kummerċjali.

L-għaqdiet qegħdin ukoll jargumentaw kontra n-narrattiva qarrieqa, ippreżentata mill-iżviluppaturi u l-periti tagħhom, li l-interjur tal-binja ġarrab modifiki sinifikanti fis-snin 80, u li għalhekk ma tantx fadal elementi awtentiċi fil-binja li jmorru lura għall-perjodu Ingliż. Ir-riċerka li saret mill-għaqdiet, iżda, turi li wara 129 sena, il-binja għadha prattikament l-istess. Jekk wieħed iqabbel id-disinji tal-pjanti oriġinali li kienu fasslu l-Ingliżi mal-pjanti attwali, jidher ċar li l-modifiki li saru huma minuri ħafna.

Il-Barracks tal-Ingliżi għandhom jiġu protetti mhux biss għall-valur storiku, kulturali u arkitettoniku tagħhom, iżda għaliex jistgħu faċilment jiġu integrati fi pjan aktar sostenibbli għall-Forti Chambray. Għadna fiċ-ċans li dan is-sit storiku nirrestawrawh, nippreservawh u nagħtuh ħajja mill-ġdid bħala ċentru ta’ interpretazzjoni storika għat-turiżmu jew ċentru komunitarju għall-ħajja kulturali f’Għawdex. Il-wirt storiku tagħna għandu jiġi qabel kull interess għal profitti privati.