Wara li l-Partit Nazzjonalista ħabbar sensiela ta’ proposti għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin fil-familja li ntlaqgħu tajjeb ħafna minn kull qasam tas-soċjetà Maltija, illum rajna Gvern f’paniku li għamel gimmick u f’konferenza stampa ta’ malajr, ħabbar miżura waħda biex taparsi jipprovdi soluzzjonijiet għall-ġenituri biex jilħqu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħin tal-familja.
Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-miżura waħdanija marbuta mal-leave tal-emerġenza li ħabbar il-Gvern Laburista llum, fir-realtà, mhi se tkun qed tagħti xejn ġdid lill-familji Maltin. Għax se tkun qed titteħidlek mil-leave u s-sick leave tiegħek stess. Dan apparti li se jkun min iħaddem li jkompli jerfa’ dan il-piż u jagħmel tajjeb għal dan il-leave, kif qed jagħmel sa issa.
Dan kuntrarju għall-proposti li ppreżenta l-Partit Nazzjonalista għaż-żidiet fil-leave, li se jkun qed iħallas għalihom il-Gvern, b’mod li ma jintefa’ l-ebda piż fuq l-employers.
Gvern reattiv – flok proattiv – li minflok jippjana fit-tul biex jindirizza l-isfidi, inqabad fuq sieq waħda, kif jiġrilu dejjem kull darba li l-Oppożizzjoni toħroġ b’soluzzjonijiet konkreti favur il-familji u fil-paniku ħareġ bi proposta marbuta mal-leave urġenti tal-familja.
Huwa ċar li l-Gvern spiċċa jirreaġixxi għall-proposti pożittivi mħabbra l-ġimgħa l-oħra mill-Partit Nazzjonalista – proposti bbażati fuq studji serji u kkonfermati minn esperti.
Kif qalet iċ-Chamber of SMEs ġimgħa ilu, dan il-pajjiż għandu bżonn bidla urġenti. Għandu bżonn gvern b’viżjoni ċara li jippjana bil-għaqal u fit-tul, minflok jirreaġixxi.
Għall-kuntrarju tal-Labour, Gvern ġdid Nazzjonalista jimplimenta pjan olistiku li jappoġġja lill-ħaddiema, min iħaddem u s-self-employed bl-istess mod. Dan permezz ta’ riforma maħsuba u ppjanata:
1. Espansjoni tal-leave tal-ġenituri biex il-familji jkollhom aktar ħin flimkien
- Leave tal-missirijiet (parternity leave) jiżdied minn 10 għal 15-il ġurnata biex jiġi rikonoxxut ir-rwol dejjem jikber tal-missirijiet fil-kura tat-tfal
- Leave tal-ġenituri (parental leave) jiġi estiż minn 8 għal 28 ġimgħa, maqsum indaqs bejn iż-żewġ ġenituri u mhux trasferibbli biex tkun promossa r-responsabbiltà kondiviża
- Leave tal-maternità (maternity leave) jiżdied minn 18 għal 24 ġimgħa, bl-aħħar sitt ġimgħat ikunu trasferibbli lill-ġenitur l-ieħor jekk iridu
- Total ta’ sena sħiħa leave mħallas bejn leave tal-maternità u leave tal-ġenituri, li jagħti l-flessibbiltà essenzjali lill-familji
2. Leave mħallas mill-gvern għal kull ħaddiem, inklużi dawk li jaħdmu għal rashom
- Il-leave tal-ġenituri, tal-missirijiet u ż-żieda fil-leave tal-maternità jkunu mħallsa mill-gvern għall-ħaddiema kollha. Fil-każ tal-leave tal-ġenituri (parental leave) il-ħlas ikun sal-livell tal-paga medja, li hu ferm aktar mir-rata tal-leave tal-mard li hemm bħalissa
- Ħaddiema għal rashom (self-employed) jingħataw l-istess drittijiet bħal ħaddiema impjegati, biex jiġi żgurat trattament ġust għal kull forma ta’ xogħol
- Il-gvern ikopri dawn l-ispejjeż biex inaqqas il-piż finanzjarju fuq min iħaddem u n-negozji
3. Appoġġ għall-kura tat-tfal u remote working
- Għajnuna finanzjarja għal ġenituri li jagħżlu li jibqgħu d-dar mat-tfal fit-tieni sena wara t-twelid, ekwivalenti għas-sussidji li jagħti l-gvern għall-kura tat-tfal (childcare centres)
- Krediti tat-taxxa għall-kumpaniji privati li jimplimentaw mudelli ta’ remote working, biex jiġu rikonoxxuti l-benefiċċji ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol
- Inkoraġġiment biex aktar negozji jadottaw policies ta’ remote working u flessibbiltà ħalli jtejbu l-produttività u l-benesseri tal-impjegati.
B’dawn il-miżuri, Gvern ġdid Nazzjonalista jiżgura li l-familji jingħataw l-appoġġ li jeħtieġu biex jirnexxu, in-negozji jiġu mħeġġa jadottaw soluzzjonijiet tax-xogħol moderni, u dawk li jaħdmu għal rashom ma jħossuhomx esklużi.
Il-PN jemmen li suq tax-xogħol ibbilanċjat huwa ċ-ċavetta għas-suċċess ekonomiku u l-benesseri soċjali.
//= $special ?>