Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech illejla fil-parlament ressaq vot ta’ sfiduċja fil-Ministru tal-Intern Byron Camilleri dwar l-abbużi fil-ħabs kif konfermati mill-Ombudsman fir-rapport tiegħu.
Dan il-vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Byron Camilleri tressaq wara li aktar kmieni fis-seduta parlamentari l-Kap tal-Oppożizzjoni ressaq talba fil-parlament biex il-parlament jaġġorna dak il-ħin u jiddiskuti r-rakkomandazzjonjiet u l-konklużjonijiet tal-Ombudsman fir-rapport tiegħu dwar it-tmexxija tal-ħabs għaliex din hi urġenti importanza nazzjonali.
Wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq it-talba tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia ssospenda l-Kamra biex jagħti ruling li fih ikkonkluda li din il-kwistjoni mhijiex ta’ natura urġenti għalkemm hi ta’ importanza nazzjonali.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li fir-rapport tiegħu l-Ombudsman ikkonkluda li fil-ħabs fil-perjodu bejn Lulju 2018 u Diċembru 2021 kien hemm azzjonijiet sistematiċi ta’ amministrazzjoni ħażina li wasslu għall-ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ persuni li kienu qed jiskontaw fil-ħabs jew qed jinżammu fil-ħabs. Dan flimkien ma’ ksur tar-regolamenti tal-ħabs. B’mod xokkanti l-Ombudsman sab li hu moralment konvint li hemm koralezzjoni bejn din l-amministrazzjoni ħażina tal-ħabs u numru ta’ swuċidji li seħħu f’dak il-perjodu.
Dan sar taħt it-tmexxija tal-Kurunell Alex Dalli, sostna Bernard Grech, li sostna li l-Ministru Byron Camilleri dejjem appoġġja lill-istess Kurunell Dalli u ddefendih. Flimkien ma’ dan, fl-2022 il-Kurenell Dalli qed beda jingħata paga ta’ €103,000 fis-sena bala rapprżentant tal-gvern Malti fil-Libja.
Wara dan ir-rapport tal-Ombudsman il-Ministru Byroan Camilleri kompla jagħti din il-fiduċja fil-Kurunell Dalli. Għalhekk l-Oppoizzjoni qed tinsisti li l-parlament ikun aġġornat għaliex din is-sitwazzjoni hi ta importanza urġneti u pubblika.
Il-Whip tal-gvern Naomi Cachia qalet li t-talba tal-Oppożizzjoni m’għandhiex tiġi milqugħa għaliex mhijiex ta’ natura urġenti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni wieġeb li għall-gvern dan juri li l-mewt ta’ nies fil-ħabs u n-nuqqas ta’ dinjità umana u terrur mhumiex ta’ natura urġenti.
Fir-ruling tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-materja hi ta’ importanza pubblika iżda mhijiex waħda ta’ urġenza tant mgħaġġla li timmerita li l-parlament jissospendi x-xogħol tal-parlament. L-Ispeaker qal li l-element ta’ urġenza ma jeżistix u għalhekk ma laqgħetx it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni għal sospenzjoni tax-xogħol tal-Kamra iżda appella lill-awtoritajiet biex iwettqu l-14-il rakkomandazzjoni tal-Ombudsman dwar il-ħabs.
F’dan il-mument, il-Kap tal-Oppożizzjoni ippreżenta mozzjoni ta’ vot ta’ sfiduċja fil-Ministru Byron Camilleri. Il-mozzjoni kienet iffirmata wkoll mix-Shadow Minister għall-Intern Darren Carabott.
//= $special ?>