Id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Prim Ministru u tal-Ministri għandhom jitqegħdu fuq il-mejda tal-Kamra mingħajr dewmien.
Dan qalu bla tlaqliq il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika f’ittra iebsa li bagħat lill-Prim Ministru, u li ġiet iċċirkolata lill-media. Dan wara li Robert Abela baqa’ ma preżentax id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2023. Lanqas id-dikjarazzjonijiet tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari ma ġew preżentati.
Il-Kummissarju tal-Istandards kixef ukoll kif hu ilu mill-2023 li kiteb lill-Prim Ministru biex jissaħħu d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi – iżda Abela qatt ma wieġbu lura.
Il-Kummissarju Joseph Azzopardi qed jinsisti li qabel tinbidel is-sistema ta’ kif isiru d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi, għandha ssir konsultazzjoni pubblika. Dan apparti li m’għandu jkun hemm ebda tnaqqis fl-informazzjoni li – preżentament – Ministru huwa obbligat li jipprovdi.
Il-Kummissarju tal-Istandards qal ukoll li l-Uffiċċju tiegħu huwa obbligat jivverifika d-Dikjarazzjonijiet tal-Assi, u apparti minn hekk għandu jkollu aċċess għad-dikjarazzjonijiet tat-taxxa li jingħataw lill-Ispeaker.
//= $special ?>