Lokali

Il-PN jingħata raġun: Robert Abela għandu jippubblika d-dikjarazzjonijiet tal-assi immedjatament

L-istqarrija ppubblikata aktar kmieni llum mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika tagħti raġun lill-Partit Nazzjonalista u tobbliga lil Robert Abela jippubblika d-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari immedjatament.

Fi kliem ix-Shadow Minister Karol Aquilina, dan huwa ċertifikat ieħor li Robert Abela huwa Prim Ministru li warrab għalkollox il-prinċipji tat-trasparenza, tal-kontabbiltà u tal-governanza tajba.

Robert Abela qed juża u jabbuża l-pożizzjoni tiegħu biex iżomm sigrieta informazzjoni li hija meħtieġa biex hu u l-Ministri u s-Segretarji Parlamentari tiegħu jinżammu taħt skrutinju pubbliku u kontabbli għall-aġir tagħhom.

Huwa biss min ma jridx jiġġieled il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter li jġib ruħu b’dan il-mod.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Robert Abela għandu immedjatament ibaxxi rasu għal dak li qallu l-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u jippubblika id-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu u tal-Ministri u tas-Segretarji Parlamentari tiegħu għas-sena 2023.