Lokali Parlament

Informazzjoni korretta twassal biex jittieħdu deċiżjonijiet tajbin

Claudette Buttigieg, PN

Ix-Shadow Minister għall-Amministrazzjoni Pubblika, ix-Xandir Pubbliku u l-Ġlieda Kontra d-Dijabete Claudette Buttigieg qalet fil-parlament li l-informazzjoni korretta twassal biex jittieħdu deċiżjonijiet tajbin għall-ġid taċ-ċittadini.

Claudette Buttigieg tkellmet dwar l-importanza li l-gvern ma jżommx l-informazzjoni għalih u biex il-ġurnalisti ma jkollhomx għalxiex jitkarrbu għall-informazzjoni li jkollhom bżonn.

Hi semmiet il-ħidma li twettaq l-UE dwar l-aċċess għall-informazzjoni li tkun ġejja mis-settur pubbliku u qalet li ż-żieda fit-trasparenza u l-kontabbiltà huma essenzjali għall-garanzija li ma jkunx hemm ħabi. Dan speċjament meta din l-informazzjoni jkun iridha ċ-ċittadin, sostniet Claudette Buttugieg, li kompliet li benefiċċju ieħor tal-informazzjoni hu l-innovazzjoni. Jeħtieġ li jkun hemm aċċessibbiltà għall-informazzjoni biex jittieħdu deċiżjonijiet korretti.

Id-deputat Nazzjonalista semmiet id-deċiżjoni dwat il-vot 16 u staqsiet kemm ingħatat informazzjoni liż-żgħażagħ dwar il-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika. Hi tkellmet ukoll dwar l-importanza tal-aċċess għall-informazzjoni fost l-istudenti fl-Univeristà ta’ Malta.