Bħal-lum 30 sena, il-Ġimgħa 3 ta’ Frar 1995, fl-10.25pm seħħet splużjoni li kienet ġejja mill-inħawi tat-Tarzna u, preċiżament, mill-Baċir Nru 3 ftit wara li ħaddiema kienu bdew ix-xift ta’ billejl. L-isplużjoni tant kienet qawwija li nħasset mill-inħawi kollha ta’ madwar il-Port il-Kbir.
Seba’ ħaddiema mietu stantanjament mal-ispluzjoni waqt li tnejn oħra mietu fl-Isptar San Luqa, ftit wara, kawża tal-ġrieħi gravi li ġarrbu.
L-Um el Faroud, tanker Libjan li kien iġorr iż-żejt, kien daħal fl-1 ta’ Frar għat-tiswijiet fil-Baċir Nru 3. Jumejn wara, tard filgħaxija, id-destin ta’ dan it-tanker kien ġarr miegħu l-ħajja ta’ disa’ ħaddiema f’din l-akbar traġedja fit-Tarzna ta’ Malta fl-istorja tagħha ta’ 165 sena.
Nies li joqogħdu qrib it-Tarzna qalu li tard filgħaxija semgħu splużjoni qawwija u, ftit wara, it-tieni waħda, li riegħdu l-inħawi u mill-ewwel fehmu li kienet seħħet traġedja ta’ proporzjonijiet li qatt ma kienu esperjenzaw.
Fuq l-Um el Faroud, it-tanker ta’ 1,000 tunnellata, kien daħal jaħdem ix-xift ta’ billejl. L-isplużjoni, ikkawżata minn kumulu ta’ gass, tertqet it-tanker u fetħet beraħ il-gverta għalkollox.
Barra d-disa’ ħaddiema li wara rriżulta li kienu tilfu ħajjithom, għadd ieħor ta’ ħaddiema li kienu wkoll fuq il-vapur, u oħrajn qrib tiegħu, kienu sofrew trawma li ħadet żmien twil biex bdiet tittaffa.
L-inkjesta tal-Qorti – li kienet miftuħa għall-midja u għall-pubbliku – kienet stabbiliet li xrara minn burner ta’ ħaddiem fuq il-gverta wasslet għall-isplużjoni meta għamlet kuntatt mal-fwar tal-petrol f’wieħed mit-tankijiet tal-vapur.
Il-funeral, wieħed mill-akbar li qatt saru f’pajjiżna, kien sar fil-knisja parrokkjali ta’ Kristu Re f’Raħal Ġdid, proprju minħabba l-kobor tagħha, u tmexxa mill-Arċisqof Ġużeppi Mercieca fil-jum li kien stabbilit bħala wieħed ta’ luttu nazzjonali. Eluf ta’ Maltin kienu fit-toroq ta’ Raħal Ġdid iċapċpu hekk kif jgħaddu t-twiebet tal-vittmi minn quddiemhom bħala sinjal ta’ rispett waqt li l-knisja ta’ Kristu Re żgur li qatt ma rat daqshekk nies. L-aħħar tislima kienet waħda denja u mistħoqqa.
//= $special ?>