Lokali Qorti

Mhux ħati li mar jonsob fl-istaġun magħluq fl-inħawi tal-Fanal tal-Ġordan

Nassab ta’ 77 sena mir-Rabat Għawdex ma nstabx ħati li fis-27 ta’ Marzu 2023, għall-ħabta tat-3.30pm, fl-inħawi tal-Fanal tal-Ġordan, fl-Għasri, Għawdex, u f’postijiet oħra pprova jaqbad għasfur bix-xbieki meta l-istaġun kien magħluq.

Ludovico Azzopardi lanqas ma nstab ħati li pprova jonsob għal xi għasfur protett bil-liġi u li fl-istess data u ħin kien qiegħed jagħmel użu minn xbieki għal dan l-iskop. Il-Qorti ta’ Għawdex preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, qalet li n-nuqqasijiet minn naħa tal-prosekuzzjoni u diversi provi relatati mal-każ ma tressqux u l-fatt li min għamel ir-rapport u ħa l-filmati ma għamilx il-prova neċessarja biex twassal għall-ħtija tal-imputat, urew li l-provi kienu nieqsa.

Mill-provi rriżulta li fil-ġurnata inkwistjoni, il-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit marru fl-għelieqi fl-inħawi ta’ Taħt il-Fanal minħabba li kienu għadhom kemm ġew infurmati min-naħa ta’ membri tal-‘Committee Against Bird Slaughter’ (CABS), li kienu nnutaw persuna jonsob illegalment waqt staġun magħluq.

Ċertu Craig Michael Redmond kien wassal lill-Pulizija fuq il-post fejn kien hemm mansab armat. Il-Pulizija però ma sabux gaġġeġ u lanqas għasafar. Huma għalhekk żarmaw ix-xbieki flimkien ma’ xi pajpijiet, elevawhom u ħaduhom l-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex.

Il-Pulizija nġibditilhom l-attenzjoni li fuq il-post kien hemm persuna ta’ sess maskili u li x’aktarx dan kien mistoħbi ġo kamra li kien hemm fl-għalqa konċernata. Il-Pulizija sabu l-kamra msakkra u ma rrisponda ħadd.

Il-membri tal-CABS infurmaw lill-Pulizija li kellhom suspett li l-vettura tal-għamla Mitsubishi, li kienet ipparkjata fejn l-għalqa, setgħet kienet tas-suspettat. Madanakollu, sakemm il-Pulizija kienu fuq il-post, ma resaq ħadd viċin din il-karozza. Allura ma kienx hemm ċertezza dwar il-fatt jekk din il-vettura kinitx tas-suspettat jew le.

L-għada, jiġifieri fit-28 ta’ Marzu 2023 għall-ħabta 6.30pm., il-Pulizija reġgħu marru fuq il-post fejn ma sabu lil ħadd u lanqas ma kien hemm vetturi fil-qrib. Mill-filmati preżentati lill-Pulizija mill-membri tal-CABS, deher raġel qed iżarma gaġġa b’għasfur fiha u jitfa’ xi forma ta’ apparat fil-but suspettat li kien ‘bird caller’.

Din il-persuna anke dehret tiftaħ il-vettura. Fl-istess filmat, ir-raġel deher jistaħba fil-ħaxix għoli li kien jinsab fejn il-kamra u kien għalhekk li l-Pulizija ma sabuhx. Minn indagini li għamlu l-Pulizija, irriżulta li sid il-vettura kien ċertu Ludovico Azzopardi.

Huwa kien ġie mitlub li jattendi l-Għassa tal-Pulizija u wara li ngħatawlu d-drittijiet tiegħu, huwa talab li jkun assistit mill-Avukat tal-fiduċja tiegħu. Meta eventwalment huwa ġie mitkellem fil-preżenza tal-Avukat, huwa għażel id-dritt li jibqa’ sieket.

Mill-provi prodotti, il-Qorti qalet li huwa ċar li dakinhar, kien hemm raġel f’għalqa li deher li kellu xi għasafar f’gaġġa. Il-Pulizija fl-affidavits tagħhom speċifikaw ukoll li kien hemm xi xbieki fl-istess għalqa. Id-difiża, però, argumentat li f’dawn il-proċeduri ma saritx prova adegwata li tikkonferma li l-akkużat kien ir-raġel li kien fis-sit dakinhar u li deher fl-istess filmati.

L-unika xhud li pprova jagħti identifikazzjoni tal-akkużat kien biss Craig Michael Redmond. Dan għar-raġuni li apparti l-Pulizija, huwa biss xehed f’dawn il-proċeduri. Il-Pulizija li marru fuq il-post, il-kuntistabbli Mark Grech u Stefan Spiteri, ma sabu lil ħadd fuq il-post u allura ma kinux fil-pożizzjoni li jidentifikaw is-suspettat.

Is-Surġent David Borg Grima li wkoll xehed fil-proċeduri, lanqas biss mar fuq il-post dakinhar li ġie rappurtat il-każ. Mar biss l-għada. Dan għalhekk lanqas ma kien fil-pożizzjoni li jidentifika lil ħadd. Minbarra Redmond dakinhar kien hemm preżenti wkoll Patricia Molina Garcia. Kienet din li skont ix-xhieda ta’ Redmond kienet qed tiġbed il-filmati esebiti.

Għalkemm il-Qorti għal darba darbtejn tat opportunità lil Patricia Molina Garcia sabiex tixhed fil-proċeduri u saħansitra wkoll tatha l-fakulta sabiex tixhed virtwalment peress li hija ma tgħix Malta, hija ma kinitx preżenti sabiex tagħti x-xhieda tagħha. Fil-fatt, hija ma dehritx la għas-seduta tal-1 ta’ Diċembru 2023 u lanqas dehret għas-seduta tat-18 ta’ Ġunju 2024.

Il-Qorti qalet li ma tqisx li hija tista’ toqgħod fuq l-identifikazzjoni tal-akkużat li saret minn Craig Redmond waqt li dan tal-aħħar kien qed jixhed. Ibda biex Redmond kien qed jixhed virtwalment u lill-akkużat ma rahx fiżikament iżda permezz tal-camera.

Aktar importanti minn hekk, għalkemm Redmond qal li l-akkużat kien jixbah lill-persuna li kien ra fuq il-post dakinhar, il-Qorti tinnota li l-kliem li uża l-istess xhud ma kienx jindika ċertezza dwar din l-identita. Infatti, Redmond speċifika kif kienet il-kollega tiegħu Molina Garcia, li kienet aktar fil-pożizzjoni li tikkonferma l-identità peress li hija kienet qed tieħu l-video.  

Mill-filmati esebiti li l-Qorti rat, il-membri tal-CABS kienu qegħdin f’distanza pjuttost ’il bogħod li jagħmilha pjuttost diffiċli biex minn daqshekk distanza ad occhio nudo tiġi identifikat persuna. Trid tintuża lenti jew xi forma ta’ apparat apposta: dan l-apparat kien qed jintuża minn Patricia Molina Garcia li kif ingħad ma xehditx f’dawn il-proċeduri.

Molina Garcia kienet xhud essenzjali f’dan ir-rigward. Madanakollu, kif ingħad, minkejja li ngħatat l-opportunità biex tixhed, ix-xhud baqgħet ma dehritx. Irid jittieħed ukoll kunsiderazzjoni tal-fatt li Redmond allontana ruħu minn fuq il-post biex mar fil-Pjazza tal-Għasri biex jiltaqa’ mal-Pulizija. Għalhekk Redmond ma kienx preżenti l-ħin kollu waqt il-ġbid tal-filmati. Kienet biss Molina Garcia li kienet preżenti l-ħin kollu.

Il-Qorti setgħet tinnota wkoll li mill-filmati esebiti, ir-raġel inkwistjoni kien qed jistaħba fil-ħaxix waqt li l-Pulizija kienu qegħdin fis-sit. Dan joħroġ mill-aħħar ritratt tar-rapport li jinsab fuq ic-CD esebit. Il-membru tal-CABS kienet qed tara dan kollu għax kienet proprju għadha qed tiffilmja, kif sewwasew jikkonfermaw l-istess filmati.

Kienet għalhekk konxja tal-pożizzjoni tas-suspettat u kienet qed issegwi l-movimenti kollha tiegħu waqt li l-Pulizija kienu qegħdin biss ftit metri ’l bogħod minnu. Għalhekk wieħed jistaqsi għal-liema raġuni, l-istess membri tal-CABS ma indikawx lill-Pulizija dak il-ħin stess il-pożizzjoni eżatta tas-suspettat sabiex dan seta’ jinqabad mill-Pulizija.

Il-Qorti tqis li dawn il-membri setgħu faċilment għamlu dan, aktar u aktar meta kienu qegħdin tnejn min-nies. Li kieku sar hekk, dan ma kien iħalli l-ebda dubju dwar l-identita tal-akkużat. Il-Qorti tenniet li tqis ukoll li l-każ tal-Prosekuzzjoni ifalli fuq binarji oħra.  Fl-ewwel lok, f’dawn il-proċeduri ma saritx il-prova li dakinhar l-istaġun tal-insib kien magħluq.

Normalment fi proċeduri ta’ dan it-tip, jittella’ rappreżentant tal-Wild Bird Regulations Unit (WBRU) biex jikkonferma jekk l-istaġun kienx magħluq jew le. Ma saritx ukoll il-prova dwar fuq min huwa reġistrat il-mansab li ġie indikat mill-CABS fir-rapport tagħhom. Normalment, fi proċeduri simili wkoll jixhed rappreżentant tal-WBRU biex jagħti din l-informazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni naqset ukoll li tressaq prova dwar min hu s-sid reġistrat tal-vettura li nstabet fuq il-post. Għalkemm fl-affidavit tas-Surġent David Borg Grima qed jingħad li din il-vettura qiegħda fuq isem l-akkużat, ma ġie prodott l-ebda rappreżentant ta’ Transport Malta – l-entita responsabbli – sabiex ikun hemm konferma dwar min hu sid din il-vettura.

Din il-prova setgħet faċilment tinġab inkluż b’affidavit u kienet ukoll tkun prova ċirkustanzjali importanti. Il-Qorti qalet ukoll li setgħet tinġab ukoll bħala prova l-lokalizzazzjoni tan-numru tal-mobile tal-akkużat għal dakinhar sabiex jiġi konfermat jekk l-akkużat kienx f’dawk l-inħawi.

Din il-prova ma nġabitx lanqas u dan minkejja li l-Pulizija jgħidu li elevaw ix-xbieki, dawn ix-xbieki baqgħu qatt ma ġew preżentati bħala prova f’dawn il-proċeduri. Għal darba oħra, din kienet prova li setgħet faċilment tinġieb mill-Prosekuzzjoni, aktar u aktar meta dawn ix-xbieki kienu fil-pussess tal-Pulizija.

Fl-aħħar nett ukoll qalet il-Qorti, il-persuna li ħadet il-filmati li ġew esebiti u ċioè Patricia Molina Garcia baqgħet ma xehditx u ma kkonfermatx il-filmati meħuda minnha. Dan minkejja li kif ingħad hija ingħatat żewġ opportunitajiet biex tixhed u ngħatat anke l-possibiltà li tixhed virtwalment.

Il-Qorti għalhekk, fiċ-ċirkostanzi ma tqisx li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha sal-grad rikjest mil-liġi sabiex tabbina lill-akkużat ma’ dak li seħħ u għalhekk il-Qorti hija kostretta li tillibera lill-istess akkużat peress li d-dubju għandu jmur favur l-istess akkużat.

Għaldaqstant għal dawn il-motivi, il-Qorti mhux qiegħda issib lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha li ġew miġjuba fil-konfront tiegħu u qed tilliberah minn kull ħtija u piena.