mid-Deputat Carm Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali
u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
Kliem li konna naħsbu li qed nifhmu iżda li maż-żmien u bl-esperjenza indispensabbli tal-ħajja fhimna xi ftit aħjar. Għax dak li qal mhuwiex sempliċement parti mill-istorja passata imma minn dik attwali tal-lum. Xi żball ikun jekk dan il-kliem jiġi traskurat minn dawk fit-tmexxija tal-pajjiż. Dawk fil-Leġiżlattiv, Eżekuttiv u Ġudizzjarju għandhom ilkoll id-dmir li jagħrfu kemm dan huwa importanti.
Fid-demokrazija
F’dan nistgħu nistaqsu u nfittxu biex insibu definizzjoni ċara ta’ x’inhija d-demokrazija. Diversi awturi, storiċi, politiċi għandhom kliem li jgħinuna nqegħdu iktar il-biċċiet f’posthom. Nifhmu dak li hi, dak li bnejna fiha u dak li nixtiquha tkun, dejjem f’dak il-proċess biex tkun aħjar.
Hemm diversi gwidi f’dan u nammetti li qrajthom, u nibqa’ sakemm nista’, naqrahom. Imma forsi, fil-verità, id-demokrazija għandha tkun dak kollu li mhuwiex dittatorjat. Dan il-ħsieb imexxina f’żewġ direzzjonijiet. L-ewwel, fil-mod ta’ kif wieħed imexxi u jamministra l-poter; u t-tieni, fil-mod ta’ kif japplika l-liġi fuq l-oħrajn. Fuq dawk li ġejt fdat li tieħu ħsieb, bil-prinċipju etiku fundamentali li dak li tippretendi minn oħrajn li jwettqu, daqstant ieħor għandek twettqu int.
Servizz
Ngħid dan fl-isfond ta’ dak li ġara fix-xenarju politiku din il-ġimgħa, fil-kwistjoni ta’ jekk ir-rendikont tal-assi tal-membri fl-Eżekuttiv għandhomx isiru pubbliċi. Għax diversi drabi ninsew li min iservi d-demokrazija qiegħed iwettaq dan mhux għalih innifsu. Wisq inqas għall-vanaglorja li hija tentatriċi kostanti, imma sabiex iservi lill-poplu.
Aktar ma tkun soda s-sistema demokratika, aktar inkunu qed niggarantixxu l-libertà u nassiguraw li ma jkunx hemm dittatorjati ta’ ebda forom. Aktar u aktar f’soċjetà fejn il-proċess biex wieħed jifhem li l-poter fdat mill-pajjiż mhuwiex dak li jiġi eżerċitat b’impożizzjoni jew awtoritarjaniżmu imma demokratikament. F’dan wieħed jistaqsi: huwa aħjar jekk kull min qiegħed fil-poter demokratiku jassigura li l-assi tiegħu jsiru pubbliċi biex ħadd ma jissuspetta fih, jew il-kontra?
Stabbiltà
Dan huwa iktar rilevanti fid-dibattitu li hemm għaddej fl-Italja dwar l-istabbiltà politika. Fejn qed jippruvaw isibu formula legali biex il-Gvern iservi mingħajr diffikultà, anzi b’garanzija, għal leġiżlatura sħiħa. Xejn faċli fil-koalizzjonijiet varji li hemm.
Pajjiżna, minflok, m’għandux din il-problema. Hemm prezz li qiegħed jitħallas minn dawk li huma ż-żgħar fl-appoġġ elettorali. Kif ukoll m’aħniex imdorrija naraw koalizzjonijiet li jispiċċaw f’diffikultajiet tagħhom. Nimxu sabiex ikun hemm, indipendentement, min qiegħed imexxi jew kif qed iwettaq dan f’linja ta’ stabbiltà. Hemm sagrifiċċju xejn faċli li forsi drajna, imma daqshekk ieħor wieħed irid jifhem li l-livell fil-kwalità demokratika għandu jogħla kontinwament.
X’għamiltu intom
Ħafna mumenti, il-Gvern preżenti għadu maħkum fid-dell ta’ dak li twettaq minn Gvernijiet Nazzjonalisti. Jiddikjara li l-progress huwa l-mira, imma mbagħad ħafna drabi jiġġustifika l-aġir tiegħu b’dak li seta’ ġara fil-passat. Jekk intom in-Nazzjonalisti għamiltu hekk qabel, allura jkun ġustifikat li jien issa nagħmel l-istess. Proprju f’dan, wieħed jistaqsi jekk Gvernijiet Nazzjonalisti kienu, kif ġie ġustament rivelat mill-Ispeaker nhar it-22 ta’ Jannar:
“Is-Sedja tirrileva illi għas-snin mill-1994 sal-2012 il-prassi kienet li d-dikjarazzjonijiet sottomessi lill-Kabinett jiġu mqiegħda wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, iżda baqgħu ma tqiegħdu qatt fi tliet istanzi, ċioè l-2001, l-2005 u l-2007, u tal-2016 tqiegħdu wara li ntalbu permezz ta’ Mistoqsija Parlamentari.”, allura kif għandek tiċħad dan illum?
Huwa minnu li kull min huwa f’dawn il-pożizzjonijiet jiddejjaq jara ismu mqiegħed mhux proprju fl-aħjar dawl fil-gazzetti qisu xi forma ta’ approfittatur. Imma fuq in-naħa l-oħra hemm il-vantaġġi.
Skrutinju
Dan għax min huwa fil-poteri demokratiċi għandu l-bżonn li jintagħraf, barra li min qiegħed hemm huwa għas-servizz tal-liġi demokratika sabiex oħrajn igawdu l-libertà. Hija garanzija għalih u għal dawk li jersqu quddiemu.
Vantaġġ kbir fil-bżonn tat-trasparenza, tal-onestà, tal-integrità li ħaddieħor jakkuża li ma hemmx. Proprju fuq dan wieħed għandu jikkunsidra li huwa żball tal-Prim Ministru li jħalli l-affarijiet fuq il-livell ta’ proċess ta’ “skrutinju” intern tiegħu bħala Kap tal-Kabinett dwar l-assi tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari.
It-talbiet fuq dan imressqa mid-deputat Karol Aquilina qed jiġu kkunsidrati mill-Gvern qishom dawk li jekk taċċettahom tkun qiegħed tidher dgħajjef fil-konfront tal-Oppożizzjoni. Mentri fil-verità dan għandu jkun sinjal ta’ progress demokratiku: isir għax għandu jsir u mhux għax xi ħadd qiegħed iċedi jew jagħmel xi pjaċir.
Parir tajjeb
F’dan għalhekk għandna nissudaw id-demokrazija biex nassiguraw li l-poter jiġi amministrat tajjeb u ma jkunx hemm min jitħajjar mill-iżbalji ta’ dittaturi passati jew preżenti. Proprju għalhekk, ċertament, Ċiċerun għaddielna parir tajjeb meta qalilna: “Legum servi sumus ut liberi esse possimus” (Inservu l-Liġi sabiex aħna nkunu liberi).
Biss, billi Ċiċerun mhuwiex fil-Gvern, il-liġijiet ma jistax jibdilhom. Jista’ biss iħajjarna nifhmu li dmirna huwa li nagħmlu l-affarijiet aħjar milli huma u għalhekk il-liġi tiġi mibdula biex l-assi jsiru pubbliċi huma wkoll.