Lokali Qorti

Seba’ xhur ħabs wara li kiser erba’ kundizzjonijiet tal-Qorti u sar reċediv

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkundannat lil Patrick Ryan Mc Gahern, imwieled l-Ingilterra, seba’ xhur ħabs wara li ammetta li kiser erba’ kundizzjonijiet tal-Qorti u li sar reċediv. Huwa ammetta li bejn Jannar u Settembru tas-sena l-oħra kiser tliet kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Imħallef Neville Camilleri u mill-Maġistrati Gabriella Vella u Rachel Montebello.

Huwa ammetta wkoll li kiser kundizzjoni imposta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia f’Mejju tal-2023. Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni sabiex flimkien mal-piena applikabbli għall-imsemmija reati, tirrevoka d-digriet tal-ħelsien mill-arrest u tordna r-riarrest tal-imsemmi Patrick Ryan McGahern, kif ukoll tordna li s-somom imposti fuqu bħala depożitu u garanzija personali jew parti minnhom jgħaddu favur il-Gvern ta’ Malta.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti, fuq ammissjoni tal-akkużat stess sabitu ħati u kkundannatu għal seba’ xhur priġunerija effettiva li minnhom għandu jitnaqqas il-perjodu li l-imputat għamel bħala arrest preventiv.

Rigward l-akkużi u bħala konsegwenza għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-imputat Patrick Ryan
McGahern, il-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta, l-ammont ta’ €500 għal kull kundizzjoni bħala parti mis-somma stabbilità mid-depożitu għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Dan ifisser li ġiet ikkonfiskata s-somma ta’ €2,000 bħala parti mis-somma stabbilità mid-depożitu għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.