Internazzjonali

Spanja: Ma naqsitx ir-rabja dwar it-traġedja ta’ Valencia, fost is-sejħiet ‘għar-riżenji’

Carlos Mazón jinsab taħt pressjoni kbira biex jirriżenja mill-Presidenza għar-reġjun ta’ Valencia, fost il-protesti kontinwi dwar in-nuqqasijiet tal-amministrazzjni tiegħu biex jinħarġu l-allerts meħtieġa dwar l-għargħar ta’ Ottubru. L-għargħar swew il-ħajja ta’ 224 persuna – u b’eluf jitilfu djarhom b’konsegwenza.

Il-vittmi ma rċevewx it-twissijiet meħtieġa fuq it-telefons ċellulari qabel laħqu għaddew is-sigħat wara l-ewwel fażi tal-għargħar qattiela. Dan ukoll meta Mazón, tal-Partit Popolari konservattiv, qed ikompli jkun ikkritikat dwar ‘ir-reazzjoni kaotika għal wieħed mill-akbar diżastri naturali fl-istorja ta’ Valencia.’

Fi tmiem il-ġimgħa, kien hemm mill-ġdid il-protesti tal-massa fejn l-eluf  ħarġu fit-toroq ta’ Valencia biex jinsistu ‘għat-tmiem’ ta’ Mazón  fil-kariga. Il-protesti kienu organizzati mill-għexieren tal-organizzazzjonijiet ċiviċi, kummerċjali u soċjali u bid-dimostranti jinsistu b’mod partikulari għar-riżenja tal-Gvern reġjonali preżenti.

L-ewwel li kienu wieġbu għat-traġedja ta’ Ottubru kienu l-eluf ta’voluntiera li marru biex jagħtu l-għajnuna fl-agħar zoni milqutin mill-għargħar fil-periferiji lejn il-lvant ta’ Valencia.

Dan meta l-uffiċjali responsabbli mir-reazzjonijiet għal dawn l-emerġenzi damu l-ġranet biex jimmobilizzaw l-eluf tar-reinforzi tal-Pulizija u s-suldati li l-awtoritajiet reġjonali kienu talbu lill-Gvern ċentrali, fid-dawl tal-iżviluppi traġiċi.

Sadanittant, l-uffiċjali u r-residenti involuti fil-proġetti fit-tul għar-restawr ta’ bnadi sħaħ fir-reġjun ta’ Valencia għadhom ukoll irrabjati għall-Gvern Spanjol immexxi mill-Prim Ministru Soċjalista, Pedro Sanchez. Dan ukoll fost l-akkużi li l-Gvern Soċjalista kien bagħat l-għajnuna lejn Valencia ‘bil-mod wisq’ u fost ‘it-tnikkir fuq livell amministrattiv’.

Min-naħa tiegħu, Carlos Mazón iddefenda l-mod kif hu kien ittratta l-kriżi u għadu sal-lum qed jinsisti li ħadd ma seta’ ‘jbassar u jilqa’ għall-iskala tal-għargħar. Mazón, fl-istess ħin, qed jinsisti li l-Amministrazzjoni ta’ Valencia, dakinhar, ma ngħatatx it-twissijiet meħtieġa min-naħa tal-awtoritajiet ċentrali fi Spanja.