Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump issa għamilha ċara li l-Istati Uniti ‘definittivament’ se timponi t-tariffi kummerċjali għall-Ewropa – u wara li l-Gvern ġdid f’Washington kien ikkonferma t-tariffi simili fil-konfront tal-Kanada, il-Messiku u ċ-Ċina.
Minn għada stess, ikunu daħlu fis-seħħ id-dazji – imposti mill-Amerikani – ta’ 25 fil-mija għall-importazzjonijiet mill-Kanada u l-Messiku, waqt li l-prodotti miċ-Ċina qed ikunu suġġetti għal tariffa ta’ għaxra fil-mija.
Mistoqsi, speċifikament, jekk l-Unjoni Ewropea tinsabx ukoll fil-mira ta’ tariffi simili, Donald Trump ma ħalla l-ebda dubju li dan irid isir ‘bilfors’ fil-ġejjieni. Fl-istess ħin, hu kompla li l-Istati Uniti kapaċi tasal ‘f’xi forma ta’ ftehim (rigward it-tariffi) mar-Renju Unit li ma jifformax parti mill-UE.
L-aħħar żviluppi ħallew impatt kbir fis-swieq finanzjarji tal-Asja u tal-Ewropa – u bl-akbar effetti jinħassu mill-produtturi tal-vetturi.
F’sitwazzjoni bħal din – u ladarba l-pajjiżi jirritaljaw bil-miżuri simili kontra l-Istati Uniti – l-inflazzjoni kapaċi tispara ‘l fuq b’konsegwenza għan-negozji u f’ċirkustanzi li, fost oħrajn, inaqqsu wkoll mill-fiduċja tal-konsumatur.
Iżda l-President Amerikan mhux se jirtira minn din il-politika u meta jemmen li din se tħalli impatt pożittiv għat-tisħiħ tas-sigurtà mal-fruntieri tal-Istati Uniti. U skont il-ħsieb tiegħu, it-tariffi – li diversi pajjiżi qed isejħulhom ‘vendikattivi’ – għandhom jindirizzaw l-hekk imsejħa ‘żbilanċi kummerċjali’ bħala parti mill-politika ‘America First’ ta’ Donald Trump.
Ir-reazzjonijiet ma jonqsux…
Filwaqt li l-Kanada diġà introduċiet it-tariffi ta’ ritaljazzjoni fir-rigward tal-Istati Uniti, il-Mexxejja tal-UE ukoll wieġbu malajr għall-iżviluppi, fost l-istqarrija kollettiva li ‘din hi sitwazzjoni li minnha mhu se joħroġ rebbieħ ħadd’.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Olaf Scholz, qal li l-UE kapaċi tirreaġġixxi bit-tariffi tagħha stess, anki jekk ikun aħjar għal kulħadd jekk l-Istati Uniti tasal f’xi forma oħra ta’ ftehim kummerċjali mal-Ewropa.
Fi Franza, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Francois Villeroy de Galhau, fisser it-tariffi ta’ Trump bħala ‘brutali’ u qal li dawn se jżidu l-inċertezza ekonomika għall-Ewropa u madwar id-dinja.
Il-Ministru Spanjol għall-Ekonomija, Carlos Cuerpo, wissa biex l-UE ‘ma tintilifx fl-illużjonijiet f’dan il-mument’. Hu sostna li l-Unjoni dejjem kienet favur suq globali iżda fl-istess ħim, għandha d-dmir li taċċerta li n-negozji tagħha jikkompetu b’mod ugwali ma’ dawk tal-kontinenti rivali.
Sadanittant, u waqt laqgħa għall-Mexxejja Ewropej fi Brussell, Kaja Kallas, l-Uffiċjal responsabbli mill-Politika Barranija tal-UE, qalet li l-gwerra tat-tariffi żgur li għandha taffettwa ħażin lil kulħadd u mingħajr eċċezzjonijiet.
Hi wissiet ukoll li ċ-Ċina komunista tkun qed tgawdi bil-kbir f’każ li tirranka gwerra kummerċjali bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti u meta kulħadd għandu jaqbel li ‘l-Ewropa għandha bżonn lill-Istati Uniti u li l-Istati Uniti, fl-istess ħin, għandha bżonn lill-Ewropa’.
//= $special ?>