Lokali

WARA ĦAMES SNIN: “Il-ġustizzja qisha ma trid issir qatt” – oħt Chantelle Chetcuti

“Ħames snin nistennew il-ġustizzja ssir. U din il gustizzja ma trid issir qatt.”

Hekk kitbet fuq Facebook oħt Chantelle Chetcuti illi ħames snin ilu nqatlet b’diversi daqqiet ta’ sikkina f’Ħaż-Żabbar – fejn issa qed tallega li l-aggressur ta’ oħtha wettaq vjolenza domestika fuq mara oħra.

Skont il-kitba li tpoġġiet fuq il-midja soċjali, dan il-każ seħħ fis-27 ta’ Marzu li għadda, u dwaru sar ukoll rapport – għalkemm eventwalment ma mexxietx kontrih.

“X’qegħdin nistennew li joqtol lil xi mara oħra waqt li qiegħed fuq bail bħalma diġà gara f’każijiet oħra, biex forsi fl aħħar issir gustizzja?” kitbet oħt Chantelle Chetcuti.

“Għalfejn il-Qorti tagħna tħares biss lejn d-drittijiet tal-kriminal? Dritt għal bail. Dritt li jiżdiedlu l-ħin barra filgħaxija basta noħorġuh bil-kundizzjonijiet. Dan aktar privileġġ narah, x’farsa! Dritt biex isiefer, mhux għal darba jew tnejn imma għal 4 darbiet f’sena. Kultant tinsa l-Qorti li dan il-bniedem fuq bail qiegħed? Għalfejn il-Qorti tagħna ma tħarisx ftit lejn id-drittijiet tal-vittmi wkoll?”

“Mhux kulħadd jista’ vera jifhem, imma bħal llum 5 snin ilu m’oħti dan il-bniedem qatel parti minna għal dejjem ukoll, bid-differenza li aħna għadna hawn nikkumbattu mal-ħajja. Aħna għandna dritt inħallu din it-traġedja warajna u ngħixu fil-paċi, mingħajr il-biża` kontinwa li niġu wiċċ imb wiċċ ma’ dan il-qattiel.”