Kien proprju 450 sena ilu meta fid-9 ta’ Frar 1575, il-viżitatur appostoliku Mons. Pietro Dusina għamel il-viżta tiegħu fiż-Żurrieq, fejn żar il-parroċċa ddedikata lil Santa Katarina Verġni u Martri ta’ Lixandra. Parroċċa li taf l-oriġini tagħha lura lejn nofs is-seklu 14.
Fil-viżta pastorali tiegħu, Mons. Dusina apparti li jagħti deskrizzjoni tal-knisja parrokkjali ta’ dak iż-żmien imwaqqfa ad unur tal-Patruna taż-Żrieraq kif ukoll tas-36 knisja jew kappella oħra li kienu mferrxa mad-diversi rħula li kienu jagħmlu parti minn din il-parroċċa, dakinhar stess kien waqqaf ukoll il-Fratellanza tas-Santissmu Sagrament fl-istess parroċċa.
Fratellanza li maż-żmien ukoll bdiet tissejjaħ bħala ‘Fratellanza tas-Santissmu Sagrament u l-Qalb ta’ Ġesù bl-insistenza tal-Arċipriet Giovanni Battista Ghio li kellu devozzjoni speċjali lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Din il-Fratellanza li hija l-eqdem waħda fost il-ħames fratellanzi li nsibu mwaqqfin f’din il-parroċċa fejn proprju din is-sena qiegħda tiċċelebra għeluq l-450 sena mit-twaqqif tagħha.
Kien għalhekk li l-kumitat tal-Fratellanza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa, Dun Daniel Cardona, fasslu programm ta’ attivitajiet għal matul din is-sena li raw il-bidu tagħhom nhar l-1 ta’ Diċembru 2024 fil-knisja ta’ Santa Marija, f’Bubaqra, fejn apparti li saret quddiesa kantata f’għeluq l-għoxrin sena mill-mewt tal-eks prokuratur tal-Fratellanza, Dun Salv Farrugia, il-Fratellanza irregalat pittura tal-Beatu Carlo Acutis lil din il-knijsa, xogħol l-artist Żurrieqi Steve Farrugia. Għal din is-sena anniversarja ġie varat ukoll logo kif ukoll il-Fratellanza ser tkun qed tieħu sehem waqt il-ġublew tal-pellegrini li ser isir fil-Vatikan f’Mejju li ġej.
Sabiex titfakkar din il-ġrajja storika, matul din tmiem il-ġimgħa li ġej, jiġifieri s-Sibt 8 u l-Ħadd 9 ta’ Frar, 2025, il-Fratellanza ser tkun qed tfakkar Jum il-Fondazzjoni tagħha fil-Knisja Matriċi u Arċipretali ta’ Santa Katarina Verġni u Martri taż-Żurrieq. Is-Sibt 8 ta’ Frar, 2025 permezz ta’ ġurnata ta’ adorazzjoni, u biex imbagħad il-Ħadd 9 ta’ Frar, 2025, fis-6 ta’ filgħaxija, ser tittella’ quddiesa kantata, ikkonċelebrata mill-ET. Mons. Joe Alessandro, OFM Cap, Isqof Emeritus ta’ Garissa flimkien ma’ diversi saċerdoti oħra kif ukoll ma’ għadd ta’ Fratellanzi oħra tas-Santissmu Sagrament.
Se jkun qed jieħu sehem il-Kor ‘Cantate Domino’ taħt it-tmexxija ta’ Mro. Paul Portelli. Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet imbagħad jintlaħqu matul ix-xahar ta’ Ġunju fejn il-Fratellanza tkun se torganizza u tiċċelebra l-Festa tal-Fratellanza ddedikata lil Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù nhar is-27 ta’ Ġunju 2025 fl-istess parroċċa.
//= $special ?>