Knisja Lokali

500 patri u soru fil-Knisja Maltija jipparteċipaw fil-Ġublew tar-Reliġjużi

Ritratti: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Il-Ġublew tar-Reliġjużi ġie ċċelebrat il-Ħadd filgħaxija, f’Jum il-Ħajja Kkonsagrata, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f’din is-sena ġubilari bit-tema ‘Pellegrini tat-Tama’.

Għal din iċ-ċelebrazzjoni attendew aktar minn 500 patri u soru li fil-preżent qed jagħtu sehemhom fil-Knisja Maltija. Is-sorijiet tal-klawsura ġew ukoll mistiedna u ngħataw il-permess biex joħorġu mill-kunventi u l-monasteri tagħhom u jipparteċipaw f’din iċ-ċeleberazzjoni.

Il-Ġublew tar-Reliġjużi beda bit-tberik tax-xemgħa fil-Knisja ta’ Ġesù Nazzarenu fiż-Żejtun u wara, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa pellegrinaġġ għall-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina. Hemmhekk, l-Arċisqof iċċelebra quddiesa u miegħu kkonċelebraw l-Arċisqof Emeritu George Frendo OP, l-Isqof Emeritu Joseph Alessandro O.F.M. Cap., il-provinċjali tal-ordnijiet reliġjużi f’Malta, u saċerdoti oħra.

L-Arċisqof irringrazzja lir-reliġjużi nisa u rġiel tax-xhieda tagħhom u appellalhom sabiex jitolbu l-Mulej jagħtihom il-kuraġġ sabiex fid-dinja tal-lum ikunu “sinjal ta’ kontradizzjoni, sinjal li jmur kontra l-kultura tal-mewt, sinjal li jmur kontra l-kultura tas-suċċess akkost ta’ kollox, kontra l-kultura tal-flus u l-allat foloz.”

Lir-reliġjużi anzjani, l-Arċisqof ħeġġiġhom sabiex ikomplu jgħixu l-vokazzjoni tagħhom sal-aħħar u ma jieqfu qatt jitolbu lill-Mulej jinterċedi għad-dinja, għall-ħajja kkonsagrata, għas-saċerdozju, għaż-żwieġ Nisrani u għall-barka tal-ulied. “It-talb tagħkom hu dak li jżomm il-Knisja waħda, qaddisa, Kattolika,” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna.

Aktar dettalji dwar il-Ġublew f’Malta fuq gublew.mt.