Lokali

“Biex negħlbu l-kanċer jeħtieġ investiment aktar qawwi fil-prevenzjoni” – PN

Fil-Jum Dinji Kontra l-Kanċer, il-PN isellem lill-professjonisti kollha li jaħdmu f’dan il-qasam u lill-familji li tilfu għeżież tagħhom b’din il-marda

F’stqarrija indirizata minn Adrian Delia Shadow Minister għas-Saħħa u Peter Agius MEP u Membru tal-Kumitat tas-Saħħa fil-Parlament Ewropew tkellmu fuq il-Jum Dinji Kontra l-Kanċer. il-Partit Nazzjonalista jsellem lill-professjonisti ddedikati li bis-saħħa tagħhom qed tingħata kura, fejqan u tama lil mijiet ta’ familji Maltin milquta mill-marda tal-kanċer.

Ningħaqdu wkoll fis-sogħba tal-familji li tilfu għeżież tagħhom b’din il-marda li issa saret it-tieni l-aktar kawża ta’ mewt f’pajjiżna wara l-mard tal-qalb.

Il-kanċer huwa marda li tirrikjedi investiment qawwi fil-prevenzjoni u screening. Hawn pajjiżna jeħtieġ jagħmel ħafna aktar hekk kif statistika maħruġa din il-ġimgħa stess turi li Malta qiegħda fl-aħħar post f’dak li għandu x’jaqsam mal-prevenzjoni tal-kanċer. Dan huwa indikatur inkwetanti li jfisser, skont l-istess estimi tal-OECD, li f’Malta r-rata tal-kanċer mistennija togħla għal 44% fl-għaxar snin li ġejjin. Dan meta r-rata ta’ kanċer fl-Ewropa mistennija tkun ta’ 18%. Dan ifisser li minħabba nuqqas ta’ enfażi fuq il-prevenzjoni għandek ċans id-doppju li jaqbdek kanċer f’Malta meta mqabbel mal-Ewropa.

Aħna nistgħu naħdmu għal futur aħjar għall-familji tagħna billi ninvestu aktar fil-prevenzjoni. L-isforzi preżenti biex isiru screenings iridu jiġu irduppjati billi titqajjem aktar kuxjenza. Fl-istess waqt jeħtieġ strateġija nazzjonali b’miżuri konkreti kontra l-obeżità f’pajjiżna, hekk kif skont l-istess statistika, f’Malta għandna l-ogħla rata ta’ obeżità fost il-pajjiżi Ewropej kollha.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni s-sejħiet tiegħu għal strateġija nazzjonali kontra l-obeżità kif ukoll il-proposti li kien ħabbar għall-ġlieda kontra l-kanċer f’pajjiżna li jinkludu fost l-oħrajn negozjati ma’ sptarijiet barranin oħra minbarra r-Renju Unit għal kura tal-kanċer aktar rari fejn il-kura f’Malta hija anqas żviluppata.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq ukoll li bħal f’diversi oqsma oħra l-għaqal fit-tmexxija jgawdi minnha l-poplu kollu. Għaldaqstant Gvern ġdid Nazzjonalista jkunu garanzija li flus il-poplu jintużaw bil-għaqal biex jissaħħaħ l-investiment fis-saħħa tal-Maltin.