L-OPINJONI
Fil-logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa, draw ta’ mingħajr gowls bejn Ħamrun Spartans u Birkirkara. Kienet partita missielta fejn Ħamrun kienu l-aħjar fl-ewwel ħamsa u erbgħin minuta bit-tieni taqsima tkun aktar bilanċjata. Forsi hawn ukoll daħlet il-biża’ tat-telf fiż-żewġ naħat biex ftit li xejn rajna t-timijiet rispettivi jkunu avventurużi. Iżda b’mod partikolari fl-ewwel taqsima ċ-ċansijiet inħolqu miż-żewġ timijiet. L-Ispartans riedu jirbħu biex iżommu l-kmand tal-klassifika filwaqt li l-Istripes riedu l-punti massimi hekk kif fl-aħħar logbħiet naqsu li jagħmlu dan wara draws kontra Gżira United u Melita rispettivament. Riżultat li l-aktar li ssodisfa kien lil Floriana kif ukoll lil-leaders il-ġodda M’Xlokk.
Ħamrun ma rnexxielhomx iżommu l-ewwel post (Ritratt: Joseph Galea)
Hibernians irritornaw għar-rebħ dan wara li huma għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 3-2. Kienet rebħa li tat aktar minn ftit nifs lill-Pawlisti wara serje ta’ riżultati negattivi. Din għalihom kienet it-tieni rebħa fil-Closing Round. Mill-banda l-oħra mhux l-istess jista’ jingħad għall-avversarji tagħhom Sliema Wanderers li l-bidu tal-Closing Round ma tantx kien wieħed feliċi hekk kif din kienet it-tieni telfa għall-Blues. Il-kowċ ta’ Hibernians Nisevic wettaq numru ta’ bidliet mit-telfa minima li huma sofrew fl-aħħar logħba kontra t-tim fil-forma ta’ M’Xlokk. U dawn ħadmu b’mod pożittiv sabiex huma jaspiraw li jkomplu jibnu fuq din ir-rebħa u jippruvaw li jkunu mat-Top Six fi tmiem din l-ewwel fażi tal-Closing Round.
Marsaxlokk ħadu l-kmand tal-klassifika tal-Kampjonat wara li huma b’faċilita għelbu lil Balzan bl-iskor ta’ 3-0. Tliet punti oħra ferm importanti għax-Xlukkajri li jidher li bil-forma li għaddejjin minnha bħalissa l-objettiv tagħhom huwa li jispiċċaw mal-ewwel sitta. Il-kowċ tagħhom Potenza wettaq żewġ bidliet mill-aħħar logħba, b’Dodo u Torres jibdew flok Kukhianidze u Pena Beltre. L-avversarji tagħhom, Balzan, komplew jiddiżappuntaw fejn ma tantx jidher li hemm affarijiet sbieħ fl-orizzont. Id-difiża tagħhom kienet diżorganizzata filwaqt li ftit li xejn rajna kordinament bejn in-nofs u l-attakk biex l-azzjonijiet fuq il-lasta opposta kienu pjuttost rari.
Marsaxlokk jitilgħu fl-ewwel post b’rebħa fuq Balzan (Ritratt: Catriel Farrugia Sghendo)
Gżira United salvaw punt minn logħba li dehret mitlufa dan wara li huma spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Melita. Kien it-tim immexxi minn Clive Mizzi li fetaħ vantaġġ doppju sa tmiem l-ewwel taqsima. Iżda l-Maroons, b’żewġ gowls fit-tieni perjodu, evitaw li joħorġu telliefa minn dan il-konfront dirett bejn żewġ timijiet li qed jippruvaw jiksbu post mat-Top Six. Giovanni Tedesco beda b’Pepe, Riascos u d-debuttant Disic flok Minala, Barbosa u Mentz, b’dan tal-aħħar nieqes minħabba injury. Mill-banda l-oħra żewġ bidliet minn Melita hekk kif Simance u Attard bdew flok Barone u Mohnani. Finalment, dan kien riżultat ġust li jħalli liż-żewġ timijiet viċin xulxin. Jekk ikunux flimkien fl-aħħar fażi tal-Kampjonat wieħed irid jistenna tant kemm id-differenza bejn it-timijiet hija minima.
Gowl skurjat kmieni fil-partita minn Becerra kien biżżejjed sabiex Floriana kisbu l-punti massimi għas-spejjeż ta’ Żabbar SP. Kienet logħba diffiċli għall-Greens, konxji mill-fatt ta’ kemm tjieb it-tim Żabbari fl-aħħar ġimgħat. Fil-fatt anki waqt din il-logħba hekk irriżulta b’Żabbar SP ikunu għadma iebsa iżda finalment Floriana ħadu dak li riedu minn din il-logħba. Riżultat li għen lit-tim immexxi minn Darren Abdilla jersaq aktar viċin il-quċċata tal-klassifika, il-post li huma spiċċaw fih fl-Opening Round. Fil-fatt, huma issa jinsabu fit-tielet post, żewġ punti taħt il-leaders M’Xlokk u punt wara Ħamrun Spartans, B’hekk huma rritornaw għar-rebħ wara d-draw tal-ġimgħa li għaddiet kontra Ħamrun.
Franklin Sasere mwaqqa’ (Ritratt: Martin Agius)
U Mosta finalment irritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi kontra Balzan u Sliema Wanderers rispettivament. U din ir-rebħa aktar niżlet għasel peress li l-avversarji tagħhom kienu l-ġirien Naxxar Lions. Tliet punti li jpoġġu lil Mosta b’punti daqs Hibernians, B’Kara, Sliema u Żabbar SP fir-raba’ post tal-klassifika. Il-kowċ ta’ Mosta Grech wettaq bidla waħda mit-telfa kontra Sliema hekk kif Ojala beda flok Agyemang. Fit-tieni taqsima kien hemm il-ħin ukoll għad-debutt ta’ Scerri u Arthur. Numru ta’ bidliet anki fit-tim immexxi minn George Vella, fosthom ukoll xi debuttanti iżda xorta waħda jidher li d-destin huwa li Naxxar Lions ser jibqgħu jissieltu kontra r-relegation sal-aħħar ġurnata.
Mosta jirritornaw għar-rebħ bir-rebħa fid-derby (Ritratt: Martin Agius)
INNUTAJNA
LI kien hemm mument speċjali għat-tfajjel Cayden li qabel il-logħba kontra Ħamrun Spartans ġie preżentat bil-flokk kommemorattiv tal-75 sena anniversarju tal-Istripes. Cayden huwa supporter ferventi ta’ Birkirkara u kien xieraq li l-President Michael Valenzia flimkien mal-kumitat jirrikonoxxu dan. Prosit ta’ dawn il-ġesti li juru lill-futbol huwa ħafna aktar minn sempliċi logħba.
LI issa li s-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar huwa magħluq jidher ċar li t-timijiet hekk imsejħa kbar kienu l-aktar attivi. Apparti n-numru jidher li anki l-profil tal-players miġjuba huwa wieħed interessanti. Spikkaw Ħamrun Spartans, Floriana u Birkirkara.
LI għal Hibernians waslu l-ewwel gowls mal-klabb kemm minn Villela kif ukoll minn Apostolos. Dan jawgura tajjeb sabiex it-tim Pawlist ikompli jsib ix-xibka u forsi aktar minn hekk isib il-konsistenza li s’issa kienet l-aktar problema tagħhom.
//= $special ?>