Lokali Qorti

Ħames snin ħabs għal Somalu wara li daħlet fis-seħħ sentenza sospiża

Somalu li għandu problema tat-teħid tad-droga ammetta fil-Qorti li immolesta diversi persuni waqt li talabhom karità u li hedded numru ta’ pulizija li kien se jisparalhom u ġie kkundannat ħames snin ħabs u mmultat €2,000.

Muhammed Abdi ammetta li fil-11, 13 u 15 ta’ Jannar li għadda, f’Ħal Qormi, immolesta lin-nies biex jittallab il-karità, kiser il-paċi pubblika b’għajjat, storbju u beżża’ raġel li se tintuża vjolenza kontrih.

Huwa ammetta wkol li fil-15 ta’ Jannar, fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Furjana, hedded tliet uffiċjali tal-Pulizija. Huwa nstab ħati wkoll li kkommetta dawn ir-reati fi żmien meta fil-konfront tiegħu kien hemm fis-seħħ piena ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin kif ukoll li kkommetta l-istess reati meta kien hemm fis-seħħ ordni ta’ probation.

Abdi wieġeb ħati, bil-Maġistrat Astrid May Grima wara li tagħtu ftit tal-ħin jaħsibha dwar l-ammissjoni tiegħu u li huwa kkonferma, ikkundannatu tliet snin ħabs u €2,000 multa u ordnat li tidħol fis-seħħ is-sentenza sospiża ta’ ħabs għal total ta’ ħames snin ħabs.

Hija ħarġet ukoll ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ tliet snin biex matulhom jindirizza l-vizzju tad-droga u ordni ta’ trażżin għall-istess perjodu biex ma jdejjaqx lill-pulizija li hedded fejn wissietu li jeħel ukoll multa oħra ta’ €2,000 jekk jiksirha.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur John Sammut waqt li għal Abdi deher l-avukat Thomas Barbara Sant.