Internazzjonali

Il-Greċja: Tiżdied il-biża’ dwar terremot kbir f’Santorini — fost l-eżodu ta’ eluf

Eluf ta’ residenti qed jitilqu mill-gżira ta’ Santorini fejn bħalissa għaddejja attività siżmika fit-tul u li kapaċi twassal għal terremot ta’ kalibru kbir fl-inħawi.

Minn tmiem il-ġimgħa ‘il hawn telqu aktar minn 6,000 resident ta’ Santorini u meta bħalissa għaddejjin ukoll it-titjiriet ta’ emerġenza għall-familji li mhumiex jissugraw li jibqgħu f’dik iz-zona.

Kienu reġistrati aktar minn 300 ‘theżżiża fuq skala żgħira’ viċin ta’ Santorini f’perjodu speċifiku ta’ 48 siegħa. L-esperti qed jgħidu li din l-attività siżmika kapaċi tkompli għall-ġimgħat u meta bħalissa, għaddejjin il-miżuri kollha ta’ prekawzjoni f’dawn iċ-ċirkustanzi.

L-awtoritajiet f’Santorini għalqu l-iskejjel għal ġimgħa sħiħa fost it-twissijiet biex ir-residenti li fadal ma jinġabrux fi gruppi kbar fil-bini u l-istabbilimenti tal-gżira.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru tal-Greċja Kyriakos Mitsotakis qed iħeġġeġ għall-kalma fost stqarrija li l-awtoritajiet ikkonċernati qed isegwu l-iżviluppi b’attenzjoni kbira huma u jħejju l-miżuri għal kwalunkwe eventwalità.

Il-gżira ta’ Santorini hi resort turistiku popolari ħafna u magħrufa l-aktar għall-famużi bini ta’ kulur abjad ( ‘whitewashed’). Madankollu, ir-residenti li qed jgħixu hemm fil-preżent huma kważi kollha Griegi, peress li x-xahar ta’ Frar hu wieħed kwiet ħafna għat-turiżmu.