Lokali Parlament

Il-gvern jibqa’ jaħbi; ma jridx li l-konsulenti u uffiċjali oħra jixhdu dwar nefqiet fil-ministeri għal Għawdex u tat-turiżmu

Fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) il-gvern illejla enfażizza l-istrateġija sistematika tiegħu li jaħbi u ma jħallix li toħroġ il-verità tant li oġġezzjona u oppona bil-qawwi biex konsulenti, kapjiet u ex kapijiet tas-segretarjati fil-Ministeru tat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex jixhdu dwar l-operat f’dawn il-ministeri.

Din il-pożizzjoni l-membri tal-gvern ħaduha meta aktar tard llum waranofsinhar saret it-tieni laqgħa tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li qed tinvestiga r-Rapport tal-Awditur Ġenerali Evaluating the role of the Malta Film Commission in Promoting the Maltese Film Industry, kif ukoll tal-kontijiet tal-awtoritajiet statutorji, inkluż organizzazzjonijiet parastatali, li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u l-Ministeru għal Għawdex għas-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024.

Il-laqgħa kienet preseduta miċ-Chairman tal-PAC d-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott u għall-Oppożizzjoni pparteċipaw id-deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u Graham Bencini. Għall-Gvern ipparteċipaw id-deputati Andy Ellul, Amanda Spiteri Grech, Alex Mucat u Glenn Bedingflied.

Fil-bidu tas-seduta l-membri tal-gvern opponew bil-qawwi għat-talba tal-Oppożizzjoni biex dawn l-uffiċjali u konsulenti jixhdu quddiem il-PAC għaliex sostnew li l-PAC ma jiskrutinax il-konsulenti li għandu l-gvern u għax il-konuslenti ma jiddeċidux in-nefqa tal-gvern iżda jagħtu biss pariri.

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott qal li l-Oppożizzjoni tinsisti li l-konsulenti u persuni oħra li tħallsu minn fondi pubbliċi biex jagħtu pariri liż-żewġ ministeri rispettivi għandhom jissejħu biex jagħtu spjega għal dak li ntefaq minn fondi pubbliċi. L-Oppożizzjoni qed tifhem li l-gvern jridu jżommu mistura l-lista ta’ persuni li jagħtu dawn il-pariri u li jitħallsu minn fondi pubbliċi, sostna Darren Carabott.

Wara li ntalab vot, il-membri tal-gvern ivvutaw kontra l-proposta tal-Oppożizzjoni waqt li l-membri tal-Oppożizzjoni vvutaw favur.

Fis-seduta tal-lum komlew jixhdu diversi uffiċjali tal-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali (NAO) fosthom l-Assistent Awditur Ġenerali William Peplow li qal li r-rapporti awditjati tal-Kummssjoni tal-Films għall-2018 u 2019 kienu ppreżentati fil-parlament iżda r-rapporti għas-snin bejn l-2021 u l-2022 ilhom lesti tliet xhur iżda ma kinux ppreżentati fil-parlament. Jirriżulta li l-NAO għamel diversi talbiet lill-Kummissjoni tal-Films għal dokumenti finanzjarji iżda dawn id-dokumenti baqgħu ma waslux. L-NAO hu tal-opinjoni li l-pjan dwar ir-riklamar ma ntbagħatx għax ma jeżistix.

Il-gvern għadda €7.2 miljun fil-kontijiet tal-Kummissjoni iżda minnhom €4.8 għadhom ma ntużawx u ntefqu €2.4 miljun.

Ix-xhieda tkompli f’seduta oħra.