Ikompli joħroġ fid-deher kif il-Kunsilli Lokali mhumiex ta’ prijorità għall-Gvern ta’ Robert Abela.
Dan hekk kif ftit tal-jiem ilu ir-Reġjun Għawdex bagħat email lill-Ministru Clint Camilleri b’rabta ma’ nuqqas ta’ konsultazzjoni u komunikazzjoni.
Fl-email li ntbagħtet f’isem is-Sindki Għawdxin intqal li kaġun tan-nuqqas ta’ komunikazzjoni u konsultazzjoni qed tkun ferm diffiċli sabiex il-Kunsilli Lokali jippjanaw ix-xogħol tagħhom fir-rigward ta’ xogħolijiet kapitali kif ukoll bħall-ħruġ ta’ permessi.
Intqal ukoll li numru ta’ Kunsilli ilmentaw diversi drabi dwar in-nuqqas ta’ komunikazzjoni iżda jidher li f’kull okkażjoni l-Ministeru ta’ Clint Camilleri injora dawn l-emails.
Infatti s-Sindki kollha appellaw lil Clint Camilleri sabiex jieħu azzjoni immedjata; għaliex in-nuqqas ta’ konsultazzjoni qed tħalli impatt negattiv fuq il-poplu Għawdxi.
Minn naħa tiegħu f’post fuq il-midja soċjali x-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg qal li l-aġir ta’ Clint Camilleri qed jirrifletti nuqqas ta’ rispett lejn is-sistema ta’ governanza lokali kif ukoll huwa insult lejn l-Għawdxin li jistennew li l-bżonnijiet tagħhom jiġu ndirizzati.
Alex Borg fakkar li kien propju l-Partit Nazzjonalista li welled il-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex filwaqt li sostna li l-Ministru Clint Camilleri għandu jibda jieħu bis-serjetà t-tmexxija Għawdxija – u mhux jara l-Kunsilli bħala ostaklu.
Il-Partit Nazzjonalista f’diversi okkażjonijiet tkellem fuq l-importanza li għandhom il-Kunsilli Lokali f’pajjiżna u li għandhom jingħataw il-poteri kollha meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw il-bżonnijiet tar-residenti b’mod effettiv.
//= $special ?>